Lokali Qorti

Il-Qorti tal-Appell tikkonferma li l-Ombudsman jista’ jinvestiga lmenti ta’ Uffiċjali tal-FAM

Deċiżjoni tal-Qorti dwar l-awtorità tal-Ombudsman biex jinvestiga lmenti minn Uffiċjali tal-Armata kienet ikkonfermata mill-Qorti tal-Appell. Il-każ kien infetaħ mill-Ombudsman Joseph Said Pullicino kontra l-Ministru tal-Intern u s-Segretarju Permanenti Kevin Mahoney.

L-Ewwel Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Wenzu Mintoff, kienet ċaħdet l-argumenti li kien għamel il-Ministru tal-Intern ta’ dak iż-żmien Manwel Mallia meta kien qal li l-Liġi teskludi lill-Ombudsman minn investigazzjonijiet għal ilmenti minn Uffiċjali tal-Forzi Armati ta’ Malta qabel ma dawn ikunu użaw il-mezzi l-oħra kollha possibbli.

Dan wara numru ta’ lmenti li rċieva l-Ombudsman mal-ħatra ta’ Jeffrey Curmi bħala Brigadiet tal-Armata. Curmi, persuna qrib tal-Prim Ministru Joseph Muscat, kien ingħata erba’ promozzjonijiet fi ftit xhur minn Maġġur għall-ogħla kariga fl-Armata.

Fil-Qorti, Joseph Said Pullicino kien sostna li kien qed jitwaqqaf minn xogħolu biex iħares lejn l-ilmenti tal-Uffiċjali tal-Armata, bil-Ministru mallia kien wieġeb li l-Ombudsman ma għandu l-ebda ġurisdizzjoni fuq dawn l-Uffiċjali.

Madankollu l-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri u mill-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Tonio Mallia, ikkonfermat l-ewwel sentenza wkoll meta rat li għandu jkun l-Ombudsman li jiddeċiedi għandhiex issir investigazzjonijiet dwar il-każi meta ma hemmx rimedji effettivi possibbli.

L-Avukat Henri Mizzi deher għall-Ombudsman, filwaqt li l-Avukat Victoria Buttigieg dehret għall-Ministru u għas-Segretarju Permanenti.