Ix-xiri tal-voti hu att ta’ korruzzjoni. Dan hu x’qed isir f’Identity Malta u dan jeħtieġ Inkjesta Pubblika. Apparti min dan, il-Gvern se jibda jaħfer arretrati ta’ taxxa bi tpartit ma’ propjetà. Din hi riċetta għal-korruzzjoni.
Dan qalu d-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi fil-Parlament dalgħodu meta tkellem dwar l-istorja żvelata mis-Sunday Times tal-bieraħ li l-Gvern se jibda jaħfer arretrati ta’ taxxa bi tpartit ma’ bini.
Għall-Oppożizzjoni, din hi riċetta perfetta għall-korruzzjoni u se tiftaħ il-bibien għall-abbuż. Apparti li hu preċedent perikoluż, dan ser ifisser prinċipju korrott li juri li l-Gvern ma tgħallem xejn mill-iskandli tal-Café Premier u ta’ Gaffarena. Huwa Gvern b’mentalità korrotta biss li jista’ qatt joħlom bi skema bħal din li se tfisser ukoll diskriminazzjoni inġusta bejn in-negozjanti.
Id-Deputat Nazzjonalista żvela wkoll aktar abbużi minn Identity Malta biex il-barranin li qed jixtru ċ-ċittadinanza Maltija jingħataw id-dritt li jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali f’Malta, u dan bi ksur tal-Kostituzzjoni. Jason Azzopardi ppreżenta lista ta’ 42 każ ta’ barranin, bid-dettalji kollha tagħhom, li dakinhar stess li xtraw iċ-ċittadinanza ġew imġiegħla japplikaw għall-vot.
Agħar minn hekk, f’erba’ każijiet li hu elenka, dawn saħansitra tħallew japplikaw għall-vot qabel ma kienu ċittadini Maltin. Dan hu illegali u hemm konsegwenzi kriminali għal dawn ir-reati. F’kull wieħed minn dawn it-42 każ, il-Qrati laqgħu t-talba tal-Partit Nazzjonalista u ħassru l-isimijiet mir-Reġistru Elettorali għax dawn il-barranin kienu taw informazzjoni giddieba dwar ir-residenza tagħhom f’Malta, u dan bil-kompliċità ta’ Identity Malta.
Jason Azzopardi ppreżenta dokument li juri li Identity Malta qed tiddikjara, b’mod qarrieqi, li kull barrani li qed jixtri ċ-ċittadinanza ikun “awtomatikament” imniżżel fir-Registru Elettorali u għalhekk ikun jista’ jivvota. Dan hu illegali u ksur sfaċċat tal-Kostituzzjoni minn Gvern li qed ikażbar il-Kostituzzjoni li suppost jiddefendi.
Dan hu reat kriminali u għalhekk jeħtieg Inkjesta Pubblika mmexxija minn Imħallef jew Maġistrat sedenti taħt il-Liġi tal-Inkjesti biex toħrog il-verità kollha u tinkixef l-għanqbuta ta’ korruzzjoni li fniet lil Identity Malta, qal Jason Azzopardi.
//= $special ?>