Lokali

Żagħżugħ jitlef il-kontroll tal-vettura tiegħu u jkisser tliet karozzi pparkjati – jipprova jintimida lill-midja u l-Pulizija

Żagħżugħ li kien qed isuq vettura tat-tip Honda fi Vjal il-Ħaddiem mill-Mosta fid-direzzjoni tan-Naxxar, tilef il-kontroll u spiċċa jħares fid-direzzjoni opposta, skont hu wara li ħarġitlu karozza, filwaqt li laqat tliet karozzi li kienu pparkkjati fil-ġenb tat-triq.

Kawża tal-inċident waħda mill-vetturi tat-tip Fiat Punto ħamra bid-daqqa spiċċat bi ħsara konsiderevoli f’ġenb tagħha u mitfugħa fuq il-bankina. Ħsara wkoll f’vettura tat-tip Opel Corsa ħamra, b’dawn ikunu tal-istess familja. Membru tal-familja qalilna li huma kienu qed jippreparaw biex jieħdu lit-tfal tagħhom għal trick or treat tal-Halloween iżda ż-żagħżugħ ħassrilhom il-pjani kollha.

Intlaqtet ukoll vettura tat-tip Audi TT blu. Din tal-aħħar hi ta’ tabib tat-tfal li jara pażjenti fi klinika ftit ‘il bogħod. Fid-dawl ta’ dan persuni fuq il-post qalulna li fortunanatment ġiet evitata traġedja, għaliex fuq l-istess bankina jgħaddu numru ta’ familji bi tfal żgħar propju biex iżuru lil dan it-tabib.

Fuq il-post waslu numru ta’ uffiċjali tal-Pulizija kif ukoll membri tal-Protezzjoni Ċivili biex neħħew il-periklu. Dan minħabba li matul din it-triq traffikuża nxtered ammont ta’ żejt kif ukoll frak tal-ħġieġ u biċċiet tal-karozzi milquta’.

Spikka fuq kollox l-atteġġjament taż-żagħżugħ li kkawża l-inċident, kif ukoll grupp ta’ żgħażagħ oħra li nġabru maġenbu. Iż-żagħżugħ l-ewwel avviċina lill-crew ta’ dan l-istazzjon, jordnalna biex nieqfu niffilmjaw, u meta l-Pulizija avżawh li kellna kull dritt għażel li jintefa’ quddiem il-camera. Hawn il-puliżija avviċinaw liż-żagħżugħ mill-ġdid u wissewh li jekk se jkompli jisfida u jitkessaħ ma kienx se jħallilhom għażla ħlief li jarrestawh u jressquh il-Qorti.

Iż-żagħżugħ kompla bl-atteġġjamnet tiegħu anke meta fuq il-post wasal tow-truck biex jirmunkalu l-karozza u hawn spiċċa jiġġieled saħansitra mas-sewwieq tat-tow truck. Aktar tard iż-żgħażagħ sħab is-sewwieq li kkawża l-inċident bdew jinġemgħu qrib il-crew ta’ dan l-istazzjon bl-għan li jindimidawhom u saħansitra spiċċaw jagħmlu l-arja mal-pulizija li mill-ġdid wissewhom li qed jirriskjaw li jiġu arrestati kollha.

incident-traffiku-naxxar-6199