Unjoni Ewropea

Delegazzjoni mill-Parlament Malti tipparteċipa f’laqgħa dwar il-Karta Soċjali Ewropea

Nhar il-Ġimgħa, 28 ta’ Ottubru, 2016, delegazzjoni Maltija magħmula minn Robert Cutajar u Michael Falzon ipparteċipat f’seminar organizzat ġewwa Pariġi mis-sottokumitat tal-Kumitat tal-Affarijiet Soċjali, is-Saħħa u l-Iżvilupp Sostenibbli fi ħdan l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, li ttratta l-Karta Soċjali Ewropea. Is-seminar iffoka dwar id-drittijiet tat-tfal u żgħażagħ għal protezzjoni soċjali, legali u ekonomika.

Is-seminar ikkunsidra l-konklużjonijiet li ħarġu mill-Kumitat Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (ECSR) mill-perspettiva parlamentari fid-dawl ta’ sitwazzjonijiet relevanti ma’ parteċipanti tal-membri parlamentari ta’ pajjiżi Ewropej. Fl-2015 l-ECSR eżamina rapporti sottomessi minn 31 Stat Firmatarju fuq l-artikli tal-Karta Soċjali Ewropea f’dawk li għandhom x’jaqsmu tfal, familji u migranti, u jinkludu d-dritt tat-tfal u żgħażagħ għal protezzjoni (Art.7) u d-dritt tat-tfal u żgħażagħ għal protezzjoni soċjali, legali u ekonomika (Art. 17). Ir-rapporti jkopru l-perjodu 2010-2013.

It-temi tas-seminar ġew magħżula skont liema artikli l-ECSR ħass l-iktar li għandhom problemi ta’ konformità. L-ewwel sessjoni ttrattat il-ħarsien ta’ tfal fuq ix-xogħol minn ksur tal-kundizzjonijiet tal-impjieg tagħhom (inkluż ħin tax-xogħol eċċessiv għat-tfal, “xogħol taħt l-età”, u pagi inġusti) fejn ġew diskussi d-deċiżjonijiet tal-ECSR, filwaqt li t-tieni sessjoni ttrattat il-ħarsien tat-tfal minn kull forma ta’ kastig korporali.

Robert Cutajar intervjena fit-tieni sessjoni fejn tkellem dwar il-fatt li fl-2014 ġie emendat il-Kodiċi Kriminali biex jiġi effettivament abolit kull forma ta’ kastig korporali, u li Malta issa hija konformi.

Cutajar aċċenna wkoll għall-fatt li bħalissa l-Parlament Malti, permezz tal-Gvern u l-Oppożizzjoni, qed jaħdmu flimkien mal-assoċjazzjonijiet tal-foster carers, social workers u l-Knisja sabiex tgħaddi liġi li se tkun qed ittejjeb il-qasam tal-ħarsien tat-tfal. Huwa spjega kif l-għan ta’ din il-liġi hu li, f’kull mument, jiġi mħares, protett u mogħti prijorità l-aqwa interess tat-tfal, u li tkun garantita l-permanenza tal-futur tat-tfal fl-iqsar żmien possibbli. Cutajar stieden lill-membri preżenti sabiex iħarsu lejn din il-liġi li faċilment tista’ sservi bħala prattiċi tajba f’dan il-qasam, anke fil-pajjiżi rispettivi tal-membri preżenti.