Il-baġit li għadda kellu reazzjoni li lanqas il-Gvern stess ma stenna minkejja l-barrage ta’ propoganda li għamel. Għax il-baġit kixef ferm aktar milli ħeba: il-baġit kixef numru ta’ problemi li l-Gvern ma għamel xejn dwarhom fi kważi erba’ snin.
Il-pagi mhumiex ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja
Waħda mill-problemi li kixef il-baġit hi dik tal-pagi li mhumiex ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja. Il-pagi ilhom għal dawn l-aħħar snin jinħassu li tilfu l-poter tal-akkwist għax iż-żidiet żgħar li qed jingħataw, fosthom waħda ta’ 58ċ, mhumiex kumpens veru għall-għoli tal-ħajja reali li qed jiffaċċjaw il-familji.
Konferma fl-Economic Survey
Fil-fatt, studju magħmul u ppubblikat mill-Gvern stess fl-Economic Survey tiegħu (paġni 100 sa 108) li ppreżenta mal-baġit jikkonferma dan bil-qawwi. L-istudju hu fuq il-collective agreements depożitati mal-Gvern stess u juri kif iż-żidiet f’ħafna pagi huma anqas mill-għoli tal-ħajja. Dan jaffettwa wkoll lill-pensjonanti.
Aktar familji jaqgħu fil-faqar jiżdied
Din hi r-raġuni għala n-nies fuq pagi u pensjonijiet baxxi qed jaqgħu fil-faqar. Il-pagi jistaġnaw qed jaffettwaw lil kulħadd, imma l-aktar lil dawk bi dħul dgħajjef, kif juri studju ieħor separat u indipendenti, dak tal-Caritas, li sab li l-familji bi dħul baxx qed jiffaċċjaw għoli tal-ħajja ferm ogħla milli jgħid il-Gvern. Dan qed iwaqqagħhom fil-faqar, kif juru ċ-ċifri separati tal-Gvern dwar il-faqar.
Koalizzjoni għal pagi diċenti
U, għalhekk, koalizzjoni ta’ għaqdiet volontarji fil-qasam tal-ġustizzja soċjali, fosthom il-Caritas, qed jissuġġerixxu żieda fil-paga minima fuq tliet snin biex din tilħaq livell eqreb għad-diċenza billi tiżdied b’10.5 fil-mija.
Joseph Muscat ilu jparla sitt snin
Min-naħa tiegħu, Joseph Muscat ilu sitt snin iparla fuq il-living wage li fl-2010 kien irrepeta ħafna drabi li kienet idea li żmienha kien wasal: sitt snin ilu. Imma għaddew sitt snin minn dak il-paroli u fi kważi erba’ snin Prim Ministru, Joseph Muscat ma għamel xejn dwar il-pagi ħlief ta żidiet mill-aktar miżeri; l-agħar żidiet fi 30 sena.
Joseph Muscat jitkellem dwar il-pagi wara l-baġit
Tipikament kif jagħmel hu, Joseph Muscat qed jitkellem fuq il-pagi wara l-baġit, flok indirizzahom bil-fatti fil-baġit. Dan hu għaliex il-baġit kien wieħed kożmetiku. Min-naħa l-oħra, Simon Busuttil, hu ċar quddiem il-proposta tal-koalizzjoni għal pagi diċenti: din hi proposta raġonevoli li għandha tgawdi l-appoġġ tal-ħafna.
Id-differenza mal-kontijiet sigrieti fil-Panama
Għax huma l-ftit f’Malta li għandhom kont sigriet fil-Panama; il-bqija qed jiffaċċjaw dak li kixef il-baġit: pagi staġnati u jonqsu għax mikulin mill-għoli tal-ħajja.