L-għada tal-qtil ta’ Giovanni Camilleri, issoktaw l-investigazzjonijiet f’delitt ieħor meqjus bħala diffiċli ħafna għall-investigaturi.
Minn informazzjoni li kiseb NET News jirriżulta li l-Pulizija talbet li jibdew ikunu indagati fid-dettall it-telefonati li Camilleri għamel fl-aħħar ġimgħat. Dan bl-iskop li jistudjaw jekk kienx hemm xi ħaġa mhux tas-soltu f’dawn it-telefonati.
Fl-istess waqt, fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija kienu msejħa numru ta’ persuni, fosthom xi familjari u oħrajn involuti fin-negozju. Qed issir ukoll analiżi tal-kotba relatati man-negozji li kellu l-vittma, fosthom negozju li dwaru kien hemm separazzjoni tal-ishma.
Il-Pulizija daret ukoll diversi toroq f’San Pawl il-Baħar, minfejn fost l-oħrajn ġabret filmati tas-CCTV li jistgħu jitfgħu dawl fuq it-tqegħid tal-bomba.
Sadanittant, dalgħodu saret ukoll l-awtopsja fuq il-katavru ta’ Giovanni Camilleri, b’esperti li tkellmu ma’ NET News spjegaw ukoll li kieku kien hemm passiġġier ma’ Camilleri, aktarx li kien jitlef ħajtu wkoll.
//= $special ?>

