Il-battalja għall-kontroll ta’ Mosul, fl-Iraq, daħlet fi żmien deċiżiv meta l-qawwiet tal-Gvern Iraqi, għall-ewwel darba, laħqu l-limiti ta’ din il-belt wara li avvanzaw mill-inħawi tal-Lvant. Dan waqt l-aħħar fażi ta’ offensiva determinata biex it-terroristi tal-ISIS jitkeċċew minn din iz-zona.
Intant, rapporti mill-madwar ta’ Mosul qalu li l-qawwiet Iraqqin qed jiffaċċjaw reżistenza kbira qalila mill-ġellieda fanatiċi tal-ISIS li huma armati sa snienhom u li mhumiex lesti jċedu kif ġieb u laħaq għall-aħħar fortizza ewlenija tagħhom fl-Iraq.
It-terroristi tal-ISIS ilhom jokkupaw Mosul mis-sajf tal-2014 u l-Prim Ministru tal-Iraq, Haider al-Abadi, qed iwissi lill-ISIS f’dik il-belt għandhom l-għażla li jċedu inkella għandhom jiffaċċjaw mewta ċerta.
F’diskors li għamel f’bażi tal-ajru ftit ‘il minn minn Mosul, Al-Abadi qal li l-qawwiet tal-Gvern qed jissikkaw il-morsa fuq l-ISIS minn kullimkien. Waqt referenza oħra speċifika għall-ISIS, Al-Abadi sostna li l-qawwiet tiegħu li qed jikkonċentraw fuq Mosul mhumiex se jdumu ‘biex jaqtgħu ras is-serp’.
S’issa ħarbu l-eluf tar-residenti minn Mosul u fil-preżent madwar 50,000 membru tal-qawwiet tas-sigurtà Iraqqin, flimkien ma’ milizzji Xiti u ġellieda Kurdi alleati qegħdin jinsistu bl-offensiva fuq id-difensuri tal-ISIS f’dik il-belt.
//= $special ?>