Mużika

Narek Hakhnazaryan f’Malta għall-kunċert Dvorak & Elgar mtella’ mill-Orkestra Filarmonika Nazzjonali

Iċ-ċellista verament impekkabbli mill-Armenja, Narek Hakhnazaryan, li kull fejn imur jgħaġġeb lill-udjenzi, se jerġa’ lura Malta. Se narawh fuq il-palk tat-Teatru Manoel għall-kunċert Dvorak & Elgar li se jittella’ fil-11 ta’ Novembru, taħt id-direzzjoni tas-surmast Grieg ta’ fama kbira, Michalis Economou.

Hakhnazaryan se jkun is-solist fl-ewwel biċċa tal-programm –il-Kunċert tal-Vjolinċell f’Si minuri ta’ Antonin Dvorak. Dan huwa wieħed mill-aktar kunċerti tal-vjolinċell li jindaqq, u huwa magħruf b’mod speċjali għall-mużika orkestrali rikka tiegħu u għall-passaġġi melodiċi tal-vjolinċell.

Wara se jiġi esegwit Di-chon tas-Surmast Economou. Dan huwa xogħol sinfoniku bbażat fuq l-istorja tal-Montecchi u l-Capuleti ta’ Romeo u Ġuljetta, u ġie rranġat mill-ġdid speċifikament għal dan il-kunċert.

Is-serata tagħlaq bl-Enigma Variations ta’ Edward Elgar, serje ta’ 14-il biċċa mużikali qasira, li s-suġġett tagħhom huwa l-ħbieb u l-familja tal-kompożitur. Bosta huma familjari ma’ ‘Nimrod’, waħda mill-varjazzjonijiet li ssaħħar lil kull min jismagħha.

Il-kunċert jibda fit-8pm, wara taħdita ta’ qabel il-kunċert fis-7.30pm. Biljetti minn €10 sa €30. Biex tibbukkja mur fuq www.teatrumanoel.com.mt, ibgħat email fuq bookings@teatrumanoel.com.mt jew ċempel fuq 2124 6389. Għal aktar informazzjoni żur www.maltaorchestra.com.