Tmien żgħażagħ kienu arrestati mill-Pulizija wara diversi ħidmiet li saru mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga.
Erba’ miż-żgħażagħ kienu arrestati f’Marsaskala wara li nstab li kellhom fil-pussess tagħhom sustanzi suspettati ħaxixa u raża tal-kannabis. Dawn l-erbgħa huma kollha rġiel u l-età tagħhom tvarja bejn il-15 u l-21 sena.
F’każ ieħor, il-Pulizija arrestat żagħżugħ ieħor, din id-darba ta’ 26 sena, li nstab f’bar fiż-Żejtun li kellu fil-pussess tiegħu sustanza suspettata kokaina.
Arrest ieħor sar fuq żewġ żgħażagħ oħra, li għandhom 20 u 35 sena rispettivament. Iż-żagħżugħ ta’ 20 sena nstab li kellu fil-pussess tiegħu madwar 100 pillola suspettata ecstasy u numru ta’ qeatas b’sustanza bajda suspettata kokaina, li kienu lesti biex jiġu ttraffikati.
Minn aktar investigazzjonijiet u tfittxijiet f’garaxx f’Ħ’Attard, instab ukoll ammont sostanzjali ta’ sustanza suspettuża ħaxixa tal-kannabis. Dan tressaq il-Qorti, fost l-oħrajn b’akkużi relatati ma’ traffikar u pussess ta’ droga. Hu wieġeb mhux ħati u ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest.
Min-naħa l-oħra, iż-żagħżugħ ta’ 35 sena nstab li kellu fil-pussess tiegħu sustanza suspettata kokaina.
Sadanittant, f’ħidma konġunta mal-Uffiċjali tad-Dwana, il-Pulizija arrestat żagħżugħ ieħor, ta’ 22 sena, mal-wasla tiegħu fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Hu nstab li kellu fil-pussess tiegħu madwar 3.4 kilogramma ta’ sustanza suspettuża khat.
Quddiem il-Qorti, akkużat fost l-oħrajn b’importazzjoni u pussess ta’ droga, hu wieġeb mhux ħati u ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dawn il-każi għadhom għaddejjin.
//= $special ?>

