L-aħħar rivelazzjonijiet dwar l-iskandlu tal-visas mediċi f’Kastilja jkomplu jikkonfermaw kemm il-Gvern ta’ Joseph Muscat qed jegħreq fil-korruzzjoni.
Faqqsu pjan biex jixtru lill-whistleblower
Mhux talli l-ħabib personali ta’ Joseph Muscat, li l-Prim Ministru daħħlu miegħu Kastilja, għadu jgawdi l-protezzjoni tal-Prim Ministru għax Joseph Muscat ma ħa l-ebda azzjoni fuq l-akkużi ta’ korruzzjoni fix-xiri tal-visas mediċi, talli faqqsu pjan biex jixtru lill-whistleblower ħalli forsi ma jkomplix jitkellem u jikxef.
Rapport fil-gazzetta Il-Mument
Il-gazzetta Il-Mument il-Ħadd li għadda rrappurtat kif il-whistleblower Libjan, li kixef dan l-iskandlu ta’ Kastilja bil-provi ta’ ħafna messaġġi lil Neville Gafà, kien imwiegħed għexieren ta’ eluf ta’ ewro biex ma jitkellimx aktar dwar dan l-iskandlu.
Ħabib minn tfal ta’ Joseph Muscat
Dan hu l-mod kif jaħdem Gvern korrott. Għax apparti l-ħafna skandli ta’ korruzzjoni tal-Gvern ta’ Muscat, dan l-iskandlu tat-tixħim għall-visas mediċi issa ilu rappurtat bil-provi inkontrovertibbli tal-messaġġi li għaddew bejn il-whistleblower Libjan stess u l-ħabib minn tfal ta’ Joseph Muscat, Neville Gafà, li l-Prim Ministru daħħlu miegħu Kastilja biex ikun ir-rappreżentant speċjali tal-Prim Ministru fil-qasam tas-saħħa.
Skandli ta’ korruzzjoni li mingħalihom qatt ma kienu se jinkixfu
U r-rappreżentant speċjali u ħabib minn tfal ta’ Joseph Muscat spiċċa kif spiċċaw ħafna nies qrib Joseph Muscat: f’nofs skandli ta’ korruzzjoni li mingħalihom qatt ma kienu se jinkixfu. Fil-każ ta’ Neville Gafà, il-fatti huma li ħarġu 600 visa medika – madwar tnejn kuljum – qabel ma l-intejjen tal-każ inxtammu u ġew ippruvati bl-smses li l-whistleblower Libjan kellu l-kuraġġ jippubblika fl-istampa Maltija.
Il-korruzzjoni bħala metodu ta’ ggvernar
Il-problema hi li l-visas huma trepied ta’ korruzzjoni fi Gvern fejn il-korruzzjoni saret metodu ta’ ggvernar. Il-visas fil-Gvern ta’ Joseph Muscat jiġbdu l-korruzzjoni bħall-ħmieġ lid-dubbien.
Il-visas jiġbdu l-korruzzjoni bħall-ħmieġ lid-dubbien
Il-Pulizija stess jgħidu li Teżorier tal-Partit Laburista, Joe Sammut, kien imdaħħal fl-ewwel skandlu ta’ tixħim għall-visas. Imbagħad kuġin tal-Prim Ministru, li Joseph Muscat bagħtu l-Alġerija malli tela’, ħareġ 7,000 visa hemmhekk. U issa l-ħabib minn tfal ta’ Joseph Muscat f’Kastilja stess li għandu akkużi gravi ħafna ta’ korruzzjoni marbutin ma’ 600 visa medika.
Il-qasab li jċaqċqu u jixlu
Dawn huma wisq qasab li ċaqċqu żżejjed fuq il-korruzzjoni tal-Gvern ta’ Joseph Muscat, u ċ-ċaqċiq jixli bil-kbir lill-kuġin u lill-ħabib li jibqa’ jiddefendihom bil-qawwi: jixli lil Joseph Muscat.