Futbol Sport

Erba’ plejers ta’ Balzan u erba’ plejers ta’ Tarxien sospiżi

Total ta’ 8 plejers ġew sospiżi mill-Kummissarju tad-Dixxiplina tal-MFA. Il-plejers sospiżi huma kollha plejers ta’ Balzan u Tarxien. Dan wara li fi tmiem il-partita, iż-żewġ settijiet ta’ plejers u uffiċjali spiċċaw f’argument li żvolġa f’wieħed serju, bil-pulizija tieħu numru ta’ minuti biex tikkontrolla kollox.

Il-plejers ta’ Balzan Lydon Micallef u Alfred Effiong ġew sospiżi żewġ logħbiet, Elkin Serrano ġie sospiż logħba filwaqt li Christian Cassar ġie sospiż tliet logħbiet. Dawn l-erba’ plejers se jitilfu l-konfront li Balzan għandhom kontra Sliema, Micallef, Effiong u Cassar se jitilfu l-logħba kontra Mosta filwaqt li Cassar se jitlef ukoll kontra Pembroke.

Tarxien ukoll għandhom erba’ plejers sospiżi, b’Daniel Ponce de Leon jeħel logħba, Alex Nilsson ġie sospiż żewġ logħbiet filwaqt li Ebiabowei Baker u Emerson Marcelina li huma żewġ plejers influenti, ġew sospiżi tliet logħbiet kull wieħed. Huma se jkunu qed jitilfu l-partita kontra Hibernians. Alex Nilsson se jitlef ukoll kontra Gżira, filwaqt li Baker u Marcelina minbarra l-k0nfront kontra Gżira, se jitilfu wkoll kontra Birkirkara.