Il-Partit Nazzjonalista jaqbel li għandu jkun hemm Masterplan għal Paceville, għalkemm jinsisti li dan għandu jsir sew u b’mod li l-interessi ta’ kulħadd jiġu mħarsa.
Ix-Shadow Minister għall-Ambjent Marthese Portelli qalet dan waqt konferenza tal-aħbarijiet, li matulha spjegat u elenkat diversi punti li għandhom ikunu kkunsidrati fit-tfassil tal-Masterplan:
1. Għandhom jiġu mħarsa d-drittijiet u l-interessi tar-residenti li jgħixu f’Paceville. Skont il-Masterplan kif propost, hemm diversi residenti li se jintlaqtu ħazin minħabba li wħud mit-toroq proposti jgħaddu minn nofs il-binjiet residenzjali, filwaqt li oħrajn se jittieħdu biex isiru spazji miftuħa.
2. Għandhom jigu mħarsa l-interessi tan-negozji u l-operaturi li diġà qed joperaw f’Paceville. Skont il-Masterplan propost, hemm diversi negozji li se jkollhom jiċċaqilqu jew jagħlqu. Importanti li f’dan l-istadju, il-Gvern jevalwa u japprezza b’mod ġust l-investiment li jkunu għamlu u mhux iħallihom fl-għama u fil-biża’ li se jitilfu ħobżhom.
3. Iż-żieda fil-Ground Floor Area (GFA) ta’ 500,000 metru kwadru proposta mill-Masterplan għandha titqassam aħjar fuq Paceville kollu u mhux igawdu l-ftit. Għandu jigi rispettat il-prinċipju ta’ ‘level playingfield’ bejn l-operaturi kummerċjali biex kulħadd jiġi trattat l-istess u mhux igawdu l-ftit a skapitu tal-oħrajn. B’mod partikolari, għandu jiġi assigurat li ma jkun hemm l-ebda konflitt ta’ interess li jispiċċa jiffavorixxi lil xi ħadd a skapitu tal-oħrajn.
4. Ir-reklamazzjoni tal-art proposta għandha tiġi rtirata għax m’hemm l-ebda ġustifikazzjoni għar-reklamazzjoni tal-art fil-baħar, aktar u aktar meta wieħed jikkunsidra l-ħsara ambjentali u l-interessi tar-residenti.
5. Għandu jiġi assigurat li l-‘foreshore’ li jaqa’ fid-demanju pubbliku jkun aċċessibli għall-pubbliku u ma jiġi ostakolat bl-ebda mod.
6. Għandu jigi assigurat li l-Masterplan jinkludi infrastruttura adattata li tindirizza l-isfida tat-trasport, tat-traffiku u tal-parkeġġ, kif ukoll is-sistema tad-drenaġġ u l-immaniġġjar tal-iskart.
7. Il-Kunsilli Lokali tal-lokalitajiet milquta għandhom jiġu involuti u jingħataw il-mezzi biex jindirizzaw iż-żieda fit-traffiku u d-domanda akbar għall-parkeġġ fuq il-lokalitajiet tagħhom minħabba li l-Masterplan propost se jżid id-densità tal-bini u l-popolazzjoni, kif ukoll l-ammont ta’ nies li se jżuru Paceville.
8. Il-Masterplan għandu jkun imfassal fuq il-‘carrying capacity’ tal-lokalità ta’ Paceville u ta’ madwar u mhux bl-addoċċ.
Marthese Portelli qalet li l-Masterplan kif ippreżentat iqajjem diversi mistoqsijiet mingħajr ma jagħti tweġibiet lir-residenti, lill-operaturi u anke lin-negozji.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent Ryan Callus għamel referenza għall-istorja pubblikata llum fil-ġurnal The Times of Malta, li żvelat li l-istess esperti li fasslu l-Masterplan ta’ Paceville kienu mqabbda bħala Konsulenti minn wieħed mill-iżviluppaturi li għandu proġett maġġuri propost fil-pjan.
Dan hu t-tieni każ ta’ kunflitt ċar ta’ interess mill-istess esperti fl-involviment tagħhom ma’ żviluppatur ieħor, żvelat mill-gazzetta MaltaToday, dwar ir-reklamazzjoni tal-art imsemmija fl-istess Masterplan.
U min-naħa tagħha, il-Kandidat għall-elezzjoni ġenerali Graziella Galea tenniet li hu tajjeb li se jkun hemm Masterplan għal Paceville, filwaqt li saħqet li dan il-pjan għandu jsir tajjeb mill-ewwel u b’viżjoni fit-tul.
Sostniet li l-Masterplan għandu jinkludi l-infrastruttura tajba li tindirizza l-isfida tat-trasport, tat-traffiku u tal-parkeġġ, kif ukoll is-sistema għad-drenaġġ u dik tal-ġenerazzjoni tal-iskart. Fl-istess waqt, għandhom jiġu assigurati l-ogħla standards ambjentali ħalli titħares il-kwalità tal-ħajja.
//= $special ?>