Lokali

“Wasal iż-żmien li nibdew inżidu l-paga minima jekk verament nemmnu f’kuxjenza soċjali” – Simon Busuttil

“Fl-elezzjoni ġenerali n-nies għandhom għażla bejn Prim Ministru li jagħlaq għajnejh għall-korruzzjoni fl-uffiċċju tiegħu stess u Kap tal-Oppożizzjoni li mhux lest li jagħlaq għajnejh għall-ħmieġ bħal dan”, żied jgħid Simon Busuttil.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ddikjara li wasal iż-żmien li nibdew inżidu l-paga minima jekk verament nemmnu f’kuxjenza soċjali. Sfida lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jagħmel il-pożizzjoni tiegħu ċara dwar din il-proposta.

Simon Busuttil għamel din id-dikjarazzjoni meta kien intervistat fuq l-istazzjon nazzjonali minn Reno Bugeja fil-programm Dissett.

Simon Busuttil kien qed jitkellem fuq il-kuxjenza u l-ġustizzja soċjali meta irrefera għall-paga minima nazzjonali ta’ Malta li tinsab f’livell baxx, b’ħaddiema fil-faxx t’isfel li ma jaqilgħux paga biżżejjed biex ilaħħqu mal-ħajja.

“Wasal iż-żmien li l-ekonomija tkun ekonomija għan-nies. U jekk ma tiżdiedx il-paga minima meta l-ekonomija sejra tajjeb, mela allura meta se nżiduha?” staqsa l-Kap tal-Partit Nazzjonalista li irrefera għall-proposta li riċentament saret mill-kampanja “Paga Minima Diċenti”. Din il-kampanja qed tipproponi li l-paga minima nazzjonali tiżdied bi 3.5% fuq perjodu ta’ tliet snin biex tkun żdiedet total ta’ 10%.

Waqt il-programm, Reno Bugeja staqsa numru ta’ mistoqsijiet dwar il-ġenerazzjoni tal-enerġija, b’Simon Busuttil ifakkar li pajjiżna m’għandux bżonn il-power station ta’ Joseph Muscat. Fakkar li l-interconnector jipproduċi biżżejjed elettriku filwaqt li bil-power station tal-BWSC li ħalla Gvern Nazzjonalista, setgħu jitraħħsu aktar il-kontijiet.

“Ma jafux kif se jaqbdu jiġġustifikaw il-power station” tenna Simon Busuttil, “u għalekk li t-tanker tal-gass huwa monument tal-korruzzjoni”, filwaqt li tenna l-impenn ta’ Gvern Nazzjonalista li mhux biss jixtri l-elettriku minn fejn hu l-irħas, jiġifieri mill-interconnector, imma anke li jneħħi t-tanker tal-gass mill-bajja ta’ Marsaxlokk f’każ ta’ riskju.

“Min qed jibni l-power station li m’għandniex bżonn, inqabad li fetaħ kumpanija sigrieta fil-Panama”, fakkar Simon Busuttil li staqsa għaliex ma saret l-ebda inkjesta dwar l-iskandlu tal-Panama, skandlu li tellef mir-reputazzjoni tal-pajjiż.

“Min qed jagħmel ħsara lil pajjiżna, min qed jikkundanna l-iskandlu tal-Panama jew min ħoloq dan l-iskandlu?” staqsa Simon Busuttil li kompla li n-nuqqas ta’ azzjoni mill-Prim Ministru twassal biex illum, il-problema sar jisimha “Joseph Muscat”.

“Fl-elezzjoni ġenerali n-nies għandhom għażla bejn Prim Ministru li jagħlaq għajnejh għall-korruzzjoni fl-uffiċċju tiegħu stess u Kap tal-Oppożizzjoni li mhux lest li jagħlaq għajnejh għall-ħmieġ bħal dan”, żied jgħid Simon Busuttil.