Lokali

Editorjal: Id-differenza bejn il-Korea t’Isfel u Malta

Fil-Korea t’Isfel għaddejjin protesti u sejħiet kbar għar-riżenja tal-Presidenta, Park Geun-hye. F’dak il-pajjiż, il-President għandu l-poter eżekuttiv, bħal Franza.

Ħabiba tal-Presidenta tinfluwenza l-politika tal-gvern Sud-Korean
Fi skandlu li nqala’, ġie żvelat kif il-Presidenta ħalliet ħabiba antika tagħha, Choin Soon-sil, tinfluwenza l-politika tal-Gvern u anke tagħmel tibdil fid-diskorsi tal-Presidenta tal-pajjiż. Soon-sil hi akkużata wkoll li użat il-ħbiberija kbira li għandha mal-Presidenta biex takkwista donazzjonijiet għal karitajiet li tmexxi.

L-istituzzjonijiet indipendenti għarfu l-gravità tal-iskandlu
Il-Korea t’Isfel għaddiet minn diversi dittatorjati militari mill-indipendenza tagħha fl-1948 sas-snin tmenin, imma llum hi meqjusa bħala demokrazija sħiħa. U għalhekk, kif inqala’ dan l-iskandlu, il-Presidenta stess u l-istituzzjonijiet indipendenti għarfu l-gravità tiegħu. Imma l-Presidenta ppruvat twaħħal f’denbha billi keċċiet ħafna konsulenti tagħha u anke lill-Prim Ministru u lill-Ministru tal-Finanzi.

Ħadd m’għandu japprofitta ruħu personalment meta jkollu xi ħabib fil-gvern
Imma, minkejja dan, is-sejħiet għar-riżenja tagħha żdiedu u – aktar importanti – il-prosekuturi qed jinvestigaw lill-ħabiba tagħha għax ħadd m’għandu japprofitta ruħu personalment meta jkollu xi ħabib jew ħabiba fil-gvern: dak jiġi serq. Il-pulizija tal-Korea t’Isfel arrestaw lill-ħabiba tagħha u interrogawha, kif arrestaw u interrogaw lill-konsulenti tal-Presidenta li huma suspettati li kienu kompliċi ta’ ħabibitha.

U f’Malta…
Il-Korea t’Isfel qiegħda ‘l bogħod ħafna minn Malta għax, hawnhekk, skandli kbar f’Kastilja jitqiesu mill-Prim Ministru u mill-Pulizija bħala li mhuma xejn.

Il-ħabib antik u minn tfal tal-Prim Ministru jagħmel ferm agħar
Hawnhekk, il-ħabib antik u minn tfal tal-Prim Ministru jidħol fil-kuntratti l-kbar tal-Gvern li qed jiswew mijiet ta’ miljuni lit-taxpayers u lil min iħallas il-kontijiet. Kemm hu kif ukoll il-Ministru predilett tal-Prim Ministru, kollha f’Kastilja, iżommu l-kuntratti sigrieti u moħbijin minn dawk stess li jridu jħallsu għalihom.

Jidħol f’kunflitt ta’ interess enormi fl-istampar tal-flus
Il-ħabib minn tfal tal-Prim Ministru jindaħal fit-taħditiet ma’ kumpanija li mill-miġja tagħha f’Malta se jdaħħal il-flus fil-but. Mal-Ministru predilett tal-Prim Ministru u permezz ta’ ħabib ieħor kbir tal-Prim Ministru, jiftaħ il-kontijiet sigrieti u l-kumpaniji sigrieti fil-Panama u f’ħafna bnadi mbiegħda tad-dinja.

Imma l-Kummissarju jammira l-partijiet tal-Prim Ministru
Imma l-Kummissarju tal-Pulizija medhi jammira l-attributi metaforiċi fiżiċi tal-Prim Ministru.