Il-gowlkiper żagħżugħ ta’ Neptunes u tat-tim nazzjonali ta’ taħt il-15-il sena Miguel Vassallo rritorna lura Malta wara li bejn il-Ġimgħa li għadda u l-bieraħ kien l-Italja għal kamp ta’ taħriġ ma’ AN Brescia. Il-kuntatt biex Vassallo jitla’ l-Italja, beda mis-Sajf li għadda fejn saħansitra Vassallo kien żar il-klabb ta’ Brescia.
Mal-wasla tiegħu fi Brescia, Vassallo kellu l-ewwel sessjoni ta’ taħriġ mat-tim ta’ taħt il-15-il sena taħt il-kowċ Oliva. It-taħriġ kien jikkonsisti minn Gym u teknika tal-għawm u waterpolo.
Il-Ħadd, il-gowlkiper żagħżugħ ingħaqad mat-tim ta’ taħt is-17-il sena għal mini-tournament f’Savona, fejn Vassallo lagħab żewġ logħbiet il-Ħadd u t-Tnejn. It-Tlieta, Vassallo ħa sehem f’mini-tournament ieħor f’Brescia kontra t-timijiet ta’ Bogliasco.
Il-kowċ Oliva kellu kliem pożittiv għall-esperjenza ta’ Miguel Vassallo fl-Italja:
“Ninsabu kuntenti li lqajna lil Miguel għat-taħriġ tagħna mat-timijiet ta’ taħt il-15 u s-17-il sena. Minkejja li sab ruħu fir-realtà Taljana, li fil-livelli ż-żgħar huma importanti, Miguel ġab ruħu tajjeb.
Is-serjetà u l-passjoni flimkien mas-sagrifiċċju għal waterpolo huma elementi fundamentali. Dawn huma l-karatteristiċi li jidher li għandu Miguel. Għidt għal diversi drabi f’dawn il-jiem, li meta Miguel irid jiġi Brescia, din hi d-dar tiegħu.”
Wara li ħa sehem f’dan il-kamp ta’ taħriġ, Vassallo hu mistenni li jerġa’ jitla l-Italja fil-vaganzi tal-milied.
//= $special ?>