Waqt laqgħa straordinarja tal-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan, li fiha kien diskuss il-Masterplan ta’ Paceville, il-kunsilliera Laburisti telqu ‘l barra mill-kamra hekk kif kien se jittieħed il-vot dwar mozzjoni li ressaq is-Sindku ta’ San Ġiljan Guido Dalli.
Din il-laqgħa, li kienet waħda mqanqla, saret hekk kif il-Gvern ħabbar Masterplan dwar Paceville mingħajr ma saret ebda konsultazzjoni mar-residenti jew dawk li se jintlaqtu minnu.
Il-mozzjoni li preżenta Guido Dalli, s-Sindku ta’ San Ġiljan tgħid li tirrikonoxxi l-bżonn ta’ Materplan għaż-żona ta’ Peceville u jinsisti li dan il-Materplan ikun wieħed sostenibbli. Il-Kunsilliera preżenti qalu li dan il-masterplan għandu jikkonsisti wkoll il-ħtiġijiet t’entitajiet kummerċjali iżda wkoll d-drittijiet tar-residenti fost l-oħrajn.
Il-Kunsill sostna li għal dan il-masterplan għandu jkun hemm konsultazzjoni ma’ kull min hu konċernat.
Il-Kunsill qal li l-masterplan huwa nieqes minn diversi elementi u għalhekk waħda mill-proposti hija li ssir espropjazzjoni ta’ propjeta privata’ mill-Gvern. Dan għaliex il-Gvern għandu jespropja propjeta’ privata għal skopijiet pubbliċi u mhux biex jakkomoda entitajiet privati.
Il-Masterplan preżenti komplemtament qed jabbanduna d-dritt ta’ kull ċittadin li jgawdi l-propjeta’ tiegħu.
Appartamenti ta’ 15 il-sular qed jiġu ppreżentati bħala low rise towers meta suppost dawn il-low rise towers suppost m’għandhomx ikunu aktar minn 10 sulari.
Skont il-leġislazzjoni preżenti għandu jkun hemm bogħod minn tal-anqas 15-il metru minn mal-kosta għall-iżvilupp u din fil-Materplan preżenti mhux tiġi rispettata. Il-Kunsill jinsab kompletament kontra r-riklamazzjoni tal-art.
Fl-aħħar nett din iż-żona jekk dan iseħħ se tkun aperta għal żvillupp kontinwu għal numru ta’ snin, b’impatt negattiv fuq ir-residenti u kif ukoll fuq it-turisti li jiffrekwentaw ħafna din iż-żona.
Minħabba dawn il-punti msemmija il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan għandu r-riservi tiegħu għal dan il-Masterplan ipprezentat u oġezzjona mill-approvazzjoni tiegħu hekk kif huwa preżentament propost.