Waqt laqgħa mal-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Soċjali Georges Dassis dalgħodu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil sostna li l-proposta tal-NGOs li tiżdied il-Paga Minima Nazzjonali għandha tiġi diskussa fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD).
Simon Busuttil u Georges Dassis iddiskutew il-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-Kumitat Ewropew għall-Affarijiet Ekonomiċi u Soċjali, li s’issa kienet waħda tajba ħafna. Simon Busuttil tkellem b’mod partikolari dwar ir-rwol importanti tal-Kumitat li jservi ta’ forum konsultattiv, li b’hekk joħloq pont bejn il-mexxejja politiċi u s-soċjetà ċivili. Hu għamel enfasi fuq il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista u l-ħidma tiegħu biex jappoġġja t-tisħiħ ta’ dan il-Kumitat bħala vuċi importanti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-Unjoni Ewropea.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem dwar l-importanza li l-ġid jinqsam b’mod ugwali u ġust. Qal li din hi sfida madwar l-Ewropa kollha u għalhekk hemm bżonn li jittieħdu aktar miżuri bl-għan ikun li t-tkabbir ekonomiku jilħaq lil kulħadd.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ekonomija Robert Arrigo akkumpanja lill-Kap tal-Oppożizzjoni, filwaqt li l-President tal-Kumitat Ewropew għall-Affarijiet Ekonomiċi u Soċjali kien akkumpanjat minn membri Maltin li jifformaw parti minn dan il-Kumitat. Georges Dassis bħalissa jinsab Malta fuq żjara uffiċjali bħala parti mill-preparamenti għall-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
//= $special ?>