Lokali

Raġel misjub bla ħajja f’residenza fil-Belt

Il-Pulizija qed tinvestiga s-sejba ta’ raġel bla ħajja f’residenza privata fil-Belt.

Ir-raġel, li għandu 40 sena u hu mill-Belt stess, instab illum waranofsinhar f’residenza privata fil-parti ta’ isfel ta’ Triq ir-Repubblika.

Għalkemm il-kawża tal-mewt s’issa għadha mhijiex stabbilita, sorsi li tkellmu ma’ NETnews.com.mt qalu li qrib ir-raġel instabu xi oġġetti relatati mat-teħid tad-droga.

Fil-post issejjaħ tim mediku mill-Isptar Mater Dei. Madankollu, l-intervent tagħhom kien għalxejn, hekk kif ir-raġel kien iċċertifikat mejjet fil-post.

Aktar investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin, filwaqt li numru ta’ esperti nħatru biex jgħinu f’Inkjesta Maġisterjali.