Ambjent Lokali

Wara nuqqas ta’ konsultazzjoni, il-Gvern se jkollu jħejji l-Masterplan dwar Paceville mill-ġdid

Wara li ma saritx konsultazzjoni, il-Gvern se jkollu jħejji mill-ġdid il-Masterplan dwar Paceville. In-nuqqas ta’ konsultazzjoni wasslet għal kritika qawwija mis-setturi kollha konċernati, fosthom il-Kunsilli Lokali u r-residenti ta’ Paceville stess u tal-madwar.

Fil-jiem li għaddew, il-Kunsilli Lokali u r-residenti, kif ukoll diversi għaqdiet wasslu l-ilmenti tagħhom dwar dan il-Masterplan fost oħrajn għall-mod kif tista’ titteħdilhom propjetà biex isir il-proġett ippjanat.

Madankollu, il-Gvern ħass li jibqa’ għaddej bil-pjanijiet tiegħu sakemm ilbieraħ kien ċirkondat minn kritika qawwija waqt il-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent u l-Ippjanar.

Matul il-laqgħa saret referenza partikolari għall-aħbar żvelata lbieraħ stess fil-ġurnal The Times of Malta, li uriet il-kunflitt ta’ interess ċar li għandha l-kumpanija Mot MacDonald. Dan hekk kif din il-kumpanija ngħatat 300,000 ewro talli fasslet il-Masterplan ta’ Paceville wara li kienet involuta direttament fi proġett ta’ kumpanija li għandha interess fl-istess Masterplan.

Waqt il-laqgħa tal-bieraħ, is-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri, li hi responsabbli mill-Awtorità tal-Ippjanar, ammettiet li lill-Gvern irriżultalu li jista’ jkun hemm kunflitt ta’ interess potenzjali. Madankollu, qalet li dan irriżulta biss issa.

Fi stqarrija l-għada tal-laqgħa, il-Gvern beda jsejjaħ dan il-Masterplan bħala wieħed “draft”, jiġifieri abbozz u li dak finali għad irid isir. Fl-istess waqt, ikkonferma li l-Awtorità tal-Ippjanar kienet innotat is-sehem doppju ta’ MotMacdonald fiż-żewġ ċirkostanzi, għalkemm ma ħassitx li kien hemm lok ta’ kunflitt ta’ interess.

Kien għalhekk, skont l-istqarrija, li l-Awtorità ma infurmatx lill-Gvern aktar kmieni.