Ir-raħal ta’ Ħad-Dingli u dawk kollha li kienu jafu lil Jacqueline Azzopardi tilfu mara pożuittiva, dejjem bi tbissima fuq wiċċha u disponibbli għal kull min kellu bżonn l-għajnuna.
Dan hekk kif il-Ġimgħa filgħodu tħabbret il-mewt tal-kandidata għall-elezzjoni ġenerali li jmiss, u eks kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista f’Ħad-Dingli, l-għada li għalqet 47 sena.
Azzopardi kienet qed tiġġieled il-marda tal-kanċer, imma minkejja li kienet taf li s-sitwazzjoni tagħha hi gravi ħafna, hi wżat iż-żmien diffiċli tal-aħħar jiem, rikoverata fl-Isptar Mater Dei fejn għaddiet minn trattament u anke operazzjonijiet, biex tqajjem għarfien.
Persuni li żaruha fl-aħħar jiem spjegawlna li kienet tħeġġiġhom biex jiċċekkjaw u jagħmlu t-testijiet neċessarji biex kemm jista’ jkun jaqbdu l-mard fil-bidu.
Jacqueline Azzopardi, omm li kienet ukoll il-Kap tad-Department tal-Kriminoloġija, kienet attiva wkoll fil-Forum Opportunitajiet Indaqs tal-Partit Nazzjonalista, fejn ħadmet qatigħ biex jiżdied ir-rispett u l-ugwaljanza b’risq l-LGBTIQ.
Fl-aħħar messaġġ tagħha, lejliet l-aħħar operazzjoni li għamlet fl-ewwel jiem ta’ ottubru, fuq Facebook hi kitbet hekk: “Don’t worry. I DO get knocked down … but I get up again! You WILL hear me ROAR again!”