Sewwieq ta’ mutur miet wara li kien involut f’incident tat-traffiku fi Triq l-Avjazzjoni f’Ħal-Luqa, biswit ir-runway tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-6p.m.
Persuni li raw l-inċident iseħħ qalu li s-sewwieq tal-mutur ħabat fuq wara ta’ karozza li kienet qed tinstaq minn żagħżugħ fl-istess direzzjoni. B’konsegwenza ta’ hekk, is-sewwieq tar minn fuq il-mutur, tilef il-helmet u miet fuq il-post, f’għadira demm.
Stqarrija tal-pulizija tgħid li l-mutur tat-tip Honda kien misjuq minn raġel ta’ 36 sena mill-Ħamrun filwaqt li l-karozza tat-tip Toyota Vitz kienet misjuqa minn żagħżugħ ta’ 19-il sena minn Ħal Luqa. Dan tal-aħħar kellu jittieħed mill-post għall-kura kawża tax-xokk kbir li sofra.
It-triq ingħalqet għat-traffiku waqt li nħatret inkjesta dwar il-każ immexxija mill-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera. Fost il-persuni li qed jgħinu lill-Pulizija hemm xi barranin li raw l-inċident iseħħ.
Fuq il-post stajna ninnutaw marki tat-tajers tal-mutur li jibqgħu għaddejjin għal madwar 40 metru, ftit bogħod mill-ispeed camera li tinsab fl-istess triq.
B’dan il-kaz, din is-sena mietu 21 persuna f’incidenti tat-traffiku.
//= $special ?>