Il-Partit Nazzjonalista hu gvern alternattiv għal pajjiżna biex iwettaq il-viżjoni biex Nirnexxu Lkoll Flimkien.
Din il-viżjoni hi mibnija fuq erba’ pilasti li huma, Ekonomija għan-Nies, Ġustizzja Soċjali, Kwalità ta’ Ħajja u Tmexxija Onesta.
Din hi viżjoni ta’ gvern li se jkun qiegħed hemm biex iservik u mhux biex jisserva bik.
Din id-dikjarazzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kienet il-qofol ta’ intervista li xxandret dalgħodu fuq Radio 101.
L-intervista saret minn Fabian Demicoli, il-Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet ta’ Net News.
Simon Busuttil irrefera għall-ewwel erba’ snibn tal-Gvern ta’ Joseph Muscat u qal li dan il-Gvern kien karetterizzat minn propoganda, cameras, ritrattu u bluff imma xħin wieħed jagħsar ftit li xejn isib sustanza.
Il-Gvern sejjaħ il-Baġit għas-sena d-dieħla bħala baġit soċjali imma l-foqra se jibqgħu foqra u l-pensjonanti se jibqgħu f’sitwazzjoni diffiċli biex ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar.
Dan minkejja li Joseph Muscat tela’ bl-għajta li kien se jeqred il-faqar u li kien se jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-pensjonanti.
Il-Kap tal-PN spjega li skont l-Economic Survey li ħareġ il-Gvern stess, jirriżulta li bejn Awwissu 2015 u Awwissu 2016 il-paga ta’ madwar 70,000 ħaddiem marret lura għax-iż-żieda għal għoli tal-ħajja li ingħataw ma tlaħħaqx maż-żieda reali fl-għoli tal-ħajja.
Fost dawn il-kategoriji ta’ ħaddiema hemm dawk tal-ħwienet li jammontaw għal madwar 25,000, dawk fis-settur tal-printing, tas-servizzi, tal-ikel u x-xorb, tal-lukandi u tal-catering.
Simon Busuttil qal li fil-Baġit għas-sena d-dieħla l-Gvern ma indirizzax lil dawn in-nies.
Imma wara li tħabbar il-Baġit, Joseph Muscat qal li jrid li tibda d-diskussjoni biex wieħed jara għandhiex tiżdied il-paga minima.
Il-Kap tal-PN fakkar li Joseph Muscat ilu jitkellem dwar il-ħtieġa li jkun hemm il-Living Wage għal sitt snin sħaħ imma m’għamel xejn f’erba snin bħala Prim Ministru.
Imma taħt il-Gvern ta’ Joseph Muscat, il-ħaddiema li l-paga tagħhom tinsab fil-faxxa t’isfel, marru lura. Issa grupp ta’ għaqdiet fil-qasam soċjali ħarġu bil-proposta li l-paga minima nazzjonali tiżdied b’madwar 10 fil-mija fuq medda ta’ tliet snin u Simon Busuttil saħaq li din il-proposta għandha tkun diskussa mill-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) u jkun hemm qbil dwar din il-proposta.
Il-Kap tal-PN qal li hu diġa’ ddikjara li din hi proposta raġjonevoli, imma l-Prim Ministru issa li ġie għas-si u n-no, baqa’ ma qal xejn minkejja li għaddiet aktar minn ġimgħa u minkejja li kien ilu sitt snin jibblaffja dwar il-living wage.
Simon Busuttil irrefera għaż-żieda miżera ta’ €2.25 fil-ġimgħa lil xi pensjonanti li tħabbret fil-Baġit għas-sena d-dieħla u qal li din tammonta biss għal €117 f’sena u għalhekk min hu fil-fqar se jibqa’ fil-faqar.
Minkejja l-ftaħir tal-Gvern li l-ekonomija sejra tajjeb, il-ħaddiema u l-pensjonati u nies b’mod ġenerali mhux iħossu li qegħdin jibbenefikaw. Hu fakkar li wieħed mill-pilastri tal-politika tal-PN bħala gvern alternattiv hu li jagħmel Ekonomija għan-Nies u mhux ekonomija li minnha jgawdu biss il-ftit.
Dwar l-ambjent u l-iżvilupp bla rażan, Simon Busuttil qal li n-nies qed iħossu li kienu abbandunati mill-Gvern ta’ Joseph Muscat u jipprova jpinġi kollox sabiħ imma hawn niex li qishom qegħdin kontimwament jgħixu f’sit ta’ kostruzzjoni bl-inkonvenjenti kollha li dan iġib miegħu.
Hu rrefera għal protesta li saret is-Sibt li għadda f’Tas-Sliema kontra l-bini bla rażan f’diversi lokalitajiet u qal li tajjeb li man-nies li kienu jipprotestaw ingħaqdu diversi Deputati u kandidati tal-PN.
Simon Busuttil qal li l-Gvern donna għnadu klikka ta’ nies li jagħtihom kull ma jridu imma l-kumplament tal-poplu safa abbandunat mill-Gvern ta’ Joseph Muscat.
Dwar il-Master Plan għal Paceville, Simon Busuttil qal li għalkemm il-Gvern ipprova jpinġi kollox sabiħ, meta wieħed daħal fid-dettall sab li numru sostanzjali ta’ residenti ta’ Paceville se jtajrulhom darhom filwaqt li anke ristoranti u ħwienet se jkollhom jagħlqu għal perijodu twil u għalhekk se jitilfu n-negozju a skapitu ta’ erba’ min-nies li l-Gvern irid jaqdi.
Ħareġ ukoll li l-konsulenti li fasslu l-Master Plan għall-Paceville huma wkoll konsulenti tal-ikbar proġett li ddaħħal fil-pjan ta’ żvilupp ta’ Paceville. Simon Busuttil saħaq li dan hu kunflitt ċar ta’ interess imma ċ-Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar mar quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp u qal li m’hemmx kunflitt ta’ interess.
Dan ifisser li hu gideb quddiem dan il-Kumitat u d-Deputati Parlamentari. Il-Kap tal-PN fakkar li Johan Buttigieg kien qal li hu jieħu l-ordnijiet minn Kastilja.
Simon Busuttil qal li għal dan kollu is-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri li hi responsabbli mill-Awtorità tal-Ippjanar qed tipprova tfarfar ir-responsabbiltà.
Hu qal li la hemm il-ħmieġ u l-irregolarità fit-tfassil tal-Master Plan, is-Segretarju Parlamentari trid twaqqaf il-proċess kollu u terfa’ r-responsabbiltà politika għax din hi kwistjoni li tolqot il-ħajja tan-nies.
Simon Busuttil qal li l-kwistjoni dwar il-Master Plan għal Paceville hi każ klassiku ta’ kif jaħdem il-Gvern ta’ Joseph Muscat li l-ewwel jiftiehem u wara jgħid li jrid jagħmel proċess ta’ konsultazzjoni.
Il-Kap tal-PN qal li l-korruzzjoni daħlet kullimkien fil-pajjiż u l-Prim Ministru Joseph Muscat tilef l-awtorità morali meta żamm f’Kastilja lill-Ministru Konrad Mizzi u liċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri wara l-iskandu tal-Panama Papera wara li nqabdu li fetħu kontijiet sigrieti fil-Panama.
Il-Gvern donnu jrid idaħħal il-mentalità fil-poplu Malti li xejn m’hux xejn imma irid ikun hemm xi ħadd li jgħid lin-nies li dan hu ħażin u biex ma jaċċettawx dawn is-sitwazzjoni u dan hu dak li qed jagħmel il-PN.
Simon Busuttil qal li Joseph Muscat biegħ l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-Isptar San Luqa u l-Isptar Karen Grech lill-privat imma ħadd ma jaf min xtara dawn l-isptarijiet li kienu tal-poplu Malti u Għawdxi. Il-Kap tal-PN fakkar li l-kuntratt tal-bejgħ tal-Isptarijiet sar fit-30 ta’ Novembru 2015 u propju jumejn wara jaghħti l-go-ahead biex jitħu l-kontijiet sigrieti fil-Panama.
Simon Busuttil qal li l-PN jintrabat li jkun gvern alternattiv b’politika nadifa.
Hu qal li qiegħed fil-politika biex inaddaf il-politika f’pajjiżna. Hu staqsa jekk Joseph Muscat fl-ewwel ħames snin fil-poter se jkun ħammeġġ tant il-politika f’pajjiżna, x’jagħmel jekk ikun fdat bil-poter għal ħames snin oħra.
Għalhekk Simon Busuttil qal li l-PN mhux biss hu Oppożizzjoni b’saħħitha imma qed juri wkoll li hu Gvern alternattiv u se jkun parti mill-għażla li se jkollu quddiemu l-poplu Malti fi żmien sena jew sena u nofs oħra.
Jekk il-poplu mhux sodisfatt bil-Gvern preżenti għandu jagħżel lill-PN biex imexxieħ għax il-PN diġa’ wera li hu gvern alternattiv għal pajjiżna.
//= $special ?>