Il-Partit Nazzjonalista jitlob lill-kummissarju tad-data jinvestiga
Il-ġurnal Il-Mument tal-bieraħ żvela li inkwilini li rċevew il-kont taċ-ċens mid-Dipartiment tal-Propjetà tal-Gvern, irċevew ukoll fl-istess envelope ċirkolari tal-Partit Laburista. Iċ-ċirkulari tal-Partit kienet titlob li jingħataw donazzjonijiet finanzjarji lill-Partit Laburista.
Għalhekk il-Partit Nazzjonalista it-Tnejn filgħodu talab lill-Kumissarju tad-Data biex jinvestiga dawn l-allegazzjonijiet.
Fi stqarrija b’reazzjoni għal din l-aħbar is-Shadow Minister Jason Azzopardi u l-kelliema għall-Partit Nazzjonalista Clyde Puli u Ryan Callus qalu li din l-aħbar hi xokkanti għax tfisser li l-Gvern qiegħed, b’abbuż sfaċċat tal-poter, juża d-dipartimenti tal-Gvern bħala għodda tal-Partit Laburista. Tfisser ukoll li l-Partit Laburista qed jingħata aċċess għal informazzjoni personali bi ksur tal-liġii dwar il-protezzjoni tad-data. Il-Partit Nazzjonalista qal li din tfisser ukoll li, bħal reġimi totalitarji b’mentalità għalkollox korrotta, il-Gvern u l-Partit Laburista saru ħaġa waħda.
Il-Kelliema saħqu li din mhijiex l-ewwel darba li d-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern kien fiċ-ċentru ta’ kontroversji simili. Dan huwa l-istess Dipartiment li taħtu saru fost l-akbar skandli fl-aħħar snin, fosthom l-iskandli tal-Caffe’ Premier u ta’ Gaffarena. Dan id-Dipartiment jaqa’ taħt ir-responsabbiltà politika tas-Segretarja Parlamentari Deborah Schembri u tal-Prim Ministru Joseph Muscat.
Il-Partit Nazzonalista talab ukoll li tittieħed azzjoni minnufih sabiex jiġi investigat dan il-każ u jitlob li s-Segretarja Parlamentari Deborah Schembri twieġeb għal dak li qed jiġri taħt imneħirha. Il-Partit Nazzjonalista fakkar li fl-aħħar ftit ġranet, is-Segretarja Parlamentari Deborah Schembri din farfret ir-responsabbiltà gravi tagħha fl-iskandlu tal-pjan għal Paceville.
//= $special ?>