Residenti joġġezzjonaw li jinqasmu fi gruppi waqt il-laqgħa ta’ konsultazzjoni u jibqgħu kollha fl-istess kamra
“Armu l-masterplan u ibdew mill-ġdid” – kien dan il-messaġġ ewlieni u rikurrenti waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni pubblika dwar il-masterplan propost għal Paceville.
Aktar minn 150 resident u sidien ta’ negozji żgħar attendew laqgħa ta’ konsultazzjoni organizzaata mill-Awtorità tal-Ippjanar, iżda l-messaġġ kien wieħed u komuni: il-masterplan għandu jintrema u jibda proċess mill-ġdid.
Il-laqgħa ta’ konsultazzjoni saret wara konferenza tal-aħbarijiet minn grupp ta’ għaqdiet non-governattivi u residenti, li insistew li l-proċess ta’ dan il-masterplan għandu jieqaf immedjatament.
“Huwa ċar li dan il-masterplan huwa kompletament u strutturalment żbaljat. Il-masterplan m’huwiex validu għaliex huwa mibni fuq pedamenti żbaljati” qed jinsistu membri ta’ 9 għaqdiet non-governattivi u mijiet ta’ residenti li kienu preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet u li qed jisħqu li l-masterplan minnu nnifsu huwa llegali.
Il-masterplan jippjana li jkun hemm żvilupp fil-15-il metru tal-kostu, li huwa kkunsidrat bħala “dominju pubbliku” skont l-Att dwar id-Dominju Pubbliku. Apparti minn hekk, il-masterplan jiddeskrivi bini ta’ 15-il sular bħala “low-rise”, meta l-liġi Maltija tikkunsidra dan il-bini bħala “high-rise”.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet qabel il-laqgħa ta’ konsultazzjoni pubblika, l-għaqdiet insistew li l-masterplan inbena madwar il-ftit interessi privati meta suppost kellu jkun ibbażat fuq il-bżonnijiet tan-nies u l-ħarsien ambjentali.
Dan il-messaġġ kien trasmess ukoll waqt il-laqgħa ta’ konsultazzjoni pubblika, organizzata mill-Awtorità tal-Ippjanar, li segwiet il-konferenza tal-aħbarijiet.
Il-laqgħa ta’ konsultazzjoni bdiet bi preżentazzjoni dwar il-masterplan, liema preżentazzjoni ntlaqgħet minn dawk preżenti b’għajjat u ċapċip sarkastiku, speċjalment hekk kif tfaċċaw ritratti li juru t-torrijiet kollha li hemm proposti għaż-żona.
Wara l-preżentazzjoni, il-membri tal-pubbliku kellhom jinqasmu fi gruppi iżgħar skont jekk humiex residenti jew sidien ta’ negozji. Madanakollu dawk preżenti rrifjutaw li jinqasmu fi gruppi u wara oppożizzjoni qawwija kulħadd baqa’ fl-istess kamra.
Waqt il-laqgħa, diversi residenti u sidien ta’ negozji esprimew tħassib li l-propjetajiet tagħhom jiġu espropjati.
“Se tgħaddu minn fuqna” saħqet mara avvanzata fl-età li ilha tgħix San Ġiljan għal aktar minn 30 sena, u li saret taf li hemm triq ppjanata flok id-dar tagħha.
Sid ta’ negozju żgħir ilmenta li l-ħanut tiegħu se jinqered biex minflok jinbena ‘business centre’. “Se tkissru l-business tiegħi biex tibnu business centre” saħaq dan ir-raġel li n-negozju tiegħu jinsab mhedded.
Għal laqgħa ta’ konsultazzjoni pubblika attendew membri mill-Kunsilli Lokali tal-lokalitajiet tal-madwar fosthom Is-Swieqi, San Ġiljan u Tas-Sliema, kif ukoll membri minn disa’ għaqdiet non-governattivi fosthom il-Kamp Emerġenza Ambjent, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Moviment Graffiti, Front Ħarsien ODZ, Ramblers’ Association, Youth for the Environment, Nature Trust, Żminijietna u Residents’ Association.
Preżenti wkoll kien hemm ix-Shadow Minister tal-Oppożizzjoni responsabbli mill-ambjent u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni responsabbli mill-ambjent u l-artijiet Ryan Callus.
//= $special ?>