“il-Qorti għandha idejha marbuta u ma tistax ħlief taġġorna għal data oħra, b’ħela ta’ riżorsi konsiderevoli.”
Ġuri fil-konfront ta’ raġel akkużat fost oħrajn li stupra lil bintu li kellu jibda llum kien aġġornat minħabba li nfetaħ appell Kostituzzjonali u minħabba li nħarġu dettalji li ma kellhomx ikunu pubbliċi.
Il-ġuri kellu jibda jinstema’ quddiem l-Imħallef Edwina Grima. Sadanittant, rikors Kostituzzjonali mressaq mill-Avukat Tonio Azzopardi talab li l-ġuri jkun sospiż fuq allegat ksur tad-dritt ta’ smigħ xieraq, liema rikors ma ntlaqax mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) preseduta mill-Imħallef Mark Chetcuti. L-Akkużat appella mis-sentenza tal-Ewwel Qorti.
Iżda minbarra l-kwistjoni Kostituzzjonali li għad trid tiġi deċiża, id-digriet tal-Qorti Kriminali, jikkritika wkoll in-“nuqqas ta’ etika ġurnalistika” b’riferenza għall-aħbarijiet ta’ Television Malta tal-Ħamis li għadda li xandar mhux biss id-dettalji tal-każ iżda anki l-piena li tista’ tagħti l-Qorti f’każ ta’ ħtija.
Il-Qorti tqis dan bħala eżempju ta’ nuqqas ta’ etika ġurnalistika u nuqqas ta’ professjonalita’ għaliex lejliet li ser ikun jibda jinstema’ ġuri, ma għandhomx jiġu ppubblikati d-dettalji tal-każ u ukoll il-piena li tista’ tiġi mogħtija. Dan għaliex il-membri ġurati li se jiġu magħżula “jiġu serjament influwenzati a priori u dan bi preġudizzju serju għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja.
Il-Qorti Kriminali ddeplorat ukoll il-fatt illi għalkemm l-akkużat ingħata pre-avviż ta’ diversi xhur dwar id-data tal-ġuri, hu ħass li ressaq it-talba tad-differiment u r-rikors Kostituzzjonali ġimgħatejn qabel is-smigħ tal-każ biex jilħaq l-għan tiegħu li l-ġuri jiġi effettivament differit.
Il-Qorti qalet li fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkostanzi kollha, il-Qorti “għandha idejha marbuta u ma tistax ħlief taġġorna għal data oħra, b’ħela ta’ riżorsi konsiderevoli.” Dan sabiex ma jkunx hemm tfixkil fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja.
L-Imħallef Edwina Grima ordnat in-notifika tad-digriet fost oħrajn lill-Kap tal-Aħbarijiet ta’ Television Malta u l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin.
//= $special ?>