Lokali Saħħa

Jibdew azzjonijiet industrijali fl-isptar li jaffettwaw it-testijiet tal-qalb

Fl-isptar Mater Dei bdew azzjonijiet industrijali li jaffettwaw it-testijiet tal-qalb li jsiru mill-‘ECG Technicians’. L-azzjonijiet ġew ordnati mill-Union Maltija tal-Qwiebel u l-Inefrmieri (MUMN).

F’kummenti ma’ NETnews, is-Segretarju Ġenerali Colin Galea spjega li l-azzjonijiet industrijali ġew imħabbra madwar għaxart ijiem ilu wara sena u nofs ta’ diskussjonijiet mal-Gvern dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ECG Technicians, wara talba biex isir ftehim settorali ġdid għal dawn il-ħaddiema.

“Wara sena u nofs niddiskutu, ġejna f’sitwazzjoni fejn ma konniex qed niftehmu” spjega Colin Galea, li żied li l-MUMN qed tittama li l-Gvern jiċċaqlaq.

Fost il-kundizzjonijiet li hemm nuqqas ta’ qbil dwarhom hemm il-mod kif dawn il-ħaddiema jipprogressaw fl-impjieg tagħhom.

Il-qofol tan-nuqqas ta’ qbil bejn l-MUMN mal-Gvern intlaħaq fl-aħħar ġimgħatejn, meta saru żewġ laqgħat oħra bit-tama li jintlaħaq ftehim. Madanakollu dan ma seħħx u dan wassal biex l-MUMN ħabbret azzjonijiet industrijali, liema azzjonijiet bdew illum.

L-azzjonijiet jolqtu direttament testijiet tal-qalb li jsiru fl-isptar Mater Dei. Fost l-azzjonijiet hemm li t-testijiet isiru tard jew inkella li ma jsirux fuq pazjenti ġodda.

Is-Segretarju Ġenerali tal-MUMN spjega ma’ NETnews li l-azzjonijiet industrijali jibqgħu għaddejjin sakemm l-MUMN tirċievi proposti ġodda.