Lokali Qorti

“Ma rridx inħares lejh” – Josephine Walker, omm il-vittma

“Ma rridx inħares lejh”. Kien b’dan il-kliem li temmet ix-xhieda tagħha Josephine Walker, omm Eleanor Mangion Walker meta kienet mistoqsija tidentifika lil Andrew Mangion, li jinsab akkużat bil-qtil tal-eks mara tiegħu hekk kif illum kompliet il-kumpilazzjoni ta’ dan il-każ quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke.

Eleanor Mangion Walker ta’ 33 sena nstabet mejta f’maħżen f’Ħal Qormi fl-4 ta’ Lulju li għadda. L-eks raġel tagħha, Andrew Mangion ta’ 40 sena, jinsab akkużat bil-qtil volontarju tagħha.

Josephine Walker qalet li bintha u l-imputat kienu ilhom miżżewwġin 7 snin u kienu għaddejjin minn proċess ta’ separazzjoni. Huma kellhom tifla li llum għandha 9 snin. Walker qalet li kienet tisma’ diversi inċidenti ta’ ġlied bejn il-koppja, li kienu joqogħdu f’appartament fis-sular ta’ fuq dak fejn tgħix hi. Hi qalet ukoll li kien hemm diversi inċidenti fejn Mangion kien jgħajjat mat-tifla u jwerwirha.

Meta mitluba tirrakkonta l-verżjoni tagħha fis-siegħat qabel is-sejba tal-katavru, Josephine Walker qalet li l-Ġimgħa ta’ qabel id-delitt Andrew Mangion qalilha biex l-għada is-Sibt tqajjmu fis-7.30a.m. għaliex kellu biċċa xogħol x’jagħmel. Hi hekk għamlet u ftit tal-ħin wara semgħet lill-akkużat u lil bintha Eleanor iniżżlu biċċiet tal-għamara mill-appartament tagħhom. Din kienet l-aħħar darba li rat lil Eleanor ħajja.

Hi qalet li t-tifla qattgħet il-ġurnata tas-Sibt man-nanna tal-imputat. L-għada l-Ħadd, dakinhar li nstab il-katavru ta’ Eleanor Mangion Walker, Josephine Walker qalet li l-uniku kuntatt li kellha ma’ Andrew Mangion kien filgħodu meta nfurmaha li t-tifla kienet marret ġurnata baħar fuq id-dgħajsa mal-ġirien u iktar tard filgħaxija meta qal li ħa jmur jiġbor it-tifla. Mistoqsija x’impressjoni kellha tal-imputat dakinhar, Josephine Walker qalet li ma tatx wisq każ għax kienet imħabbta bix-xogħol iżda rrimarkat biss li kien “żmattat”.

Battibekk bejn il-Prosekuzzjoni u d-Difiża dwar allegat każ ta’ traffikar tad-droga

Iktar tard qam battibekk bejn il-Prosekuzzjoni u d-Difiża dwar il-valur ta’ prova mix-xhieda tal-Ispettur Pierguido Saliba. L-Ispettur Saliba xehed li sentejn ilu, hu kien avviċinat minn ċertu Martin Grech, li kien ħabib tiegħu u dak iż-żmien kellu relazzjoni mal-vittma Eleanor Mangion Walker, li kien hemm min xtaq ikellmu dwar allegat każ ta’ traffikar tad-drogi li jinvolvi lil Andrew Mangion.

Fil-kontroeżami, l-Ispettur Saliba – li dak iż-żmien kien stazzjonat fl-iskwadra ta’ kontra d-drogi – kien mistoqsi jekk kienx jaf dwar ir-relazzjoni ta’ Grech ma’ mart Mangion u jekk kienx jaf li dak iż-żmien kienet għaddejja kawża ta’ separazzjoni personali u kien hemm il-kwistjoni tal-kura u kustodja ta’ binthom. Mistoqsi jekk l-isem ta’ Andrew Mangion tfaċċax fiċ-ċrieki tad-droga qabel ma semmiehulu Martin Grech u x’kien l-eżitu tal-investigazzjoni, l-Ispettur wieġeb li qatt ma sema b’Mangion qabel u mill-osservazzjonijiet li għamel, ma ttieħdux passi fil-konfront ta’ Andrew Mangion.

L-Avukat Joe Giglio qal li d-difiża qed toġġezzjona għal din il-linja ta’ xhieda li ma’ għandha ebda rilevanza għall-każ in kwistjoni u li din ix-xhieda qed issir biss biex tħammeġ l-imputat. Dan qanqal reazzjoni mill-Prosekuzzjoni li sostniet li x-xhieda tal-Ispettur Saliba hi rilevanti.

Il-każ ikompli.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Keith Arnaud filwaqt li l-Avukat Joe Giglio qed jidher għall-akkużat. L-Avukati Michael Sciriha u Lucio Sciriha qed jidhru parte civile għall-familja Walker.