L-Oppożizzjoni qed tappella liċ-Chairman tal-Kumitat Parlamentari dwar is-Saħħa biex ilaqqa’ l-Kumitat Parlamentari dwar is-Saħħa malajr u għal kemm żmien meħtieġ biex jifli fid-dettall il-kuntratti kollha dwar l-għoti tal-isptarijiet San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex lil kumpanija privata barranija bi ħlas ta’ għexieren ta’ miljuni ta’ dollari lilha mill-Gvern Malti.
Dan l-appell l-Oppożizzjoni għamlitu llum fil-Kumitat Parlamentari għall-Affrajiet Soċjali, is-Saħħa u l-Familja mix-Shadow Minister għas-Saħħa u Membru tal-Kumitat Parlamentari dwar is-Saħħa Claudette Buttigieg.
L-Oppożizzjoni sostniet li qed ikunu żvelati fatti ġodda dwar l-għoti ta’ dawn l-isptarijiet li, għalhekk, qed ikompli dejjem aktar ikun imdawwar b’suspetti ta’ korruzzjoni u tmexxija ħażina tal-interessi tal-poplu Malti u Għawdxi.
Il-persuna ta’ Ram Tumuluri, il-miftiehem mal-Gvern, ħerġin aktar dettalji ta’ tfittxijiet kontrih fuq frodi, fosthom fil-Kanada. Dan jixhduh dokumenti tal-Qorti Suprema tal-British Columbia, fil-Kanada.
Waqt li r-reputazzjoni ta’ Ram Tumuluri ħierġa dejjem aktar imżellġa, kien ċar mill-bidu li hu lanqas m’għandu l-esperjenza meħtieġa ta’ tmexxija ta’ sptarijiet, sostniet l-Oppożizzjoni.
Il-Kumitat Parlamentari dwar is-Saħħa jixraqlu jindaga fil-fond għaliex il-Gvern qed iżomm sigrieti 60 faċċata sħaħ mill-kuntratt dwar l-għoti ta’ dawn it-tliet sptarijiet, sostniet Claudtete Buttigieg, li kompliet li Ram Tumuluri qed jirrappreżenta kumpanija li rreġistrat f’Malta ftit ġranet biss qabel ma l-Gvern ħabbar li kienet waħda mill-kumpaniji preferuti biex jagħtiha l-isptarijiet San Luqa, Karin Grech u ta’ Għawdex.
Fl-ittra intqal li l-kumpanija kif reġistrata f’Malta hi ta’ kumpanija barranija bi struttura xejn trasparenti rreġistrata f’ġuriżdizzjonijiet dubjużi u ħadd ma jaf verament ta’ min hi din il-kumpanija u lil min se jkun qed iħallas il-Gvern Malti.
L-Oppożizzjoni sostniet li dan jikber fil-gravità meta issa sar magħruf li l-poplu se jkun imġiegħel iħallas mill-anqas 55 miljun dollaru fis-sena għal mill-anqas 30 sena lil min sar miegħu dan il-ftehim. Il-Kumitat Parlamentari dwar is-Saħħa żgur jixraqlu jkun jaf sewwa min se jdaħħalhom dawn il-55 miljun dollaru fis-sena u jekk miljuni daqstant kbar humiex miljuni ġustifikati.
Claudette Buttigieg kompliet li kien żvelat ukoll li l-Gvern għamel taħditiet dwar dan il-ftehim qabel ma ħarġet is-sejħa pubblika f’April 2015. Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Konrad Mizzi, baqa’ jiffirma l-kuntratti ma’ Ram Tumuluri anke wara li spiċċa minn Ministru tas-Saħħa u wara li kien inħatar il-Ministru preżenti, Chris Fearne.
Għal dawn ir-raġunijiet, l-Oppożizzjoni tenniet t-talba tagħha biex fl-iqsar żmien possibbli jlaqqa’ l-Kumitat biex jibda dan l-iskrutinju meħtieġ billi jsejjaħ l-individwi kollha involuti f’dawn il-kuntratti li jeħtieġ ikunu miflijin bir-reqqa fl-interess tal-poplu li qed iċedi tliet sptarijiet u li se joħroġ tant għexieren ta’ miljuni kull sena.
//= $special ?>