Ambjent Lokali

Kriżi fiċ-ċentri għall-iskart goff

Fiċ-Ċentri għall-Iskart Goff f’pajjiżna bħalissa hemm sitwazzjoni kritika b’munzelli dejjem ikbar ta’ skart li qed jakkumula mingħajr ma tittieħed azzjoni.

Il-problema mhix biss fiċ-ċentru ta’ Ħal Far imma hi mifruxa wkoll għaċ-ċentri l-oħra, jiġifieri fl-Imrieħel, Ħal Luqa, il-Magħtab, Ta’ Qali kif ukoll f’Tal-Kus, f’Għawdex.

Is-sitwazzjoni tant iggravat li kienu ħafna dawk li għamlu kuntatt ma’ dan l-istazzjon, u l-problema l-Erbgħa saħansitra spiċċat tiġi diskussa fil-Parlament wara li tqajmet mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni, George Pullicino, li kien hu li inawgura l-ewwel proġetti ta’ siti ta’ dan it-tip f’pajjiżna.

Iżda minkejja dan kollu, il-Gvern jidher li mhux jieħu din il-problema bis-serjetà u lanqas azzjoni, ħlief li fl-aħħar ġimgħat biddel ir-regoli ta’ dawn iċ-ċentri bl-għan li jikkontrolla l-ammont ta’ skart li jintrema f’dawn is-siti.

Dan billi ġie llimitat l-aċċess għal dawn is-siti għal sidien ta’ vetturi kbar. Fil-fatt, issa min għandu vettura kbira, bħal vann jew trakk, jistgħu jidħlu biss darba fis-sena wara li jiksbu permess. Sidien ta’ vetturi ftit iżgħar jidħlu biss sa 18-il darba f’sena, u wkoll bil-permess. Għal sidien ta’ vetturi privati żgħar, l-aċċess jibqa’ bla limitu.

Iżda dan wassal għal żieda fir-rimi ta’ skart illegali madwar pajjiżna, b’mod speċjali f’postijiet imwarrba bħall-kampanja. Dan hekk kif min għandu x’jarmi, b’xi mod irid jiddisponi mill-iskart tiegħu, u ħafna issa qed jagħżlu li jagħmlu dan bl-eħfef mod possibbli: li jarmuh fejn ġie ġie u bil-moħbi.

civic-amenity-site-hal-far-7555