Talba biex il-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Soċjali jiddiskuti l-proposta tal-Oppożizzjoni
Fi Stqarrija f’isem l-Oppożizzjoni, il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Isport David Agius talab b’ittra lill-Onor. Anthony Agius Decelis, Chairman tal-Kumitat tal-Parlament għall-Affarijiet Soċjali, biex ilaqqa’ dan il-Kumitat ħalli jiddiskuti proposta li qed nagħmel f’isem l-Oppożizzjoni biex tissolva l-kwistjoni dwar ċaqliq ta’ tfal minn nursery sportiva għal oħra.
Huwa qal li din hi kwistjoni li hi kurrenti ħafna u tolqot lill-eluf ta’ tfal li jitħarrġu fin-nurseries sportivi, lill-ġenituri tagħhom u lill-għaqdiet sportivi. David Agius qal li żgur kulħadd jixtieq iġib ‘il quddiem l-aħjar interess tat-tfal tagħna u tal-ġenituri tagħhom, kif ukoll is-servizz tant utli li l-għaqdiet sportivi qed jagħtu fl-iżvilupp b’saħħtu tat-tfal u tas-soċjetà tagħna. It-tfal għandhom ikunu trattati bid-dinjità li tixirqilhom, waqt li huma, il-ġenituri tagħhom u l-għaqdiet sportivi għandhom ikunu sħab fl-iżvilupp san tat-tfal u tal-qasam sportiv tagħna.
Għalhekk l-Oppożizzjoni qed taħdem biex tinstab soluzzjoni għas-sistema li kif inhi s’issa qanqlet kwistjoni dwar it-tfal li jkunu f’nurseries u li jkunu jridu jimxu għal waħda oħra. Minħabba ċertu nuqaasijiet dawn qed jispiċċaw imblukkati b’mod li jimblokka wkoll il-futur u l-iżvilupp tagħhom.
L-Oppożizzjoni qed tipproponi sistema li biha, meta tinqala’ xi kwistjoni dwar iċ-ċaqliq ta’ tfal minn nursery għal oħra, ikun hemm komunikazzjoni miftuħa dwar biex isir attentat ħalli tinstab soluzzjoni fl-assoċjazzjoni nnifisha.
Fejn dan ma jseħħx, għandu jitwaqqaf Bord għall-Appelli tal-Isport (Sports Appeals Board) magħmul minn sportivi ta’ portata u esperjenza li janalizzaw is-sitwazzjoni u jiddeċiedu dwar il-każ, ħalli l-każ ikun solvut u ma jibqax imblukkat. Qed jiġi propost biex dan il-Bord ikun kompost minn tliet min-nies li jkollhom il-poter isejħu xhieda, jinvestigaw fuq il-post u jaħtru esperti fil-qasam.
L-Oppożizzjoni qed titlob li l-Kumitat Parlemantari jiddiskuti din il-proposta ħalli jkunu jistgħu jissejħu rappreżentati u nies involuti f’dan il-qasam kbir – fosthom ġenituri, nurseries infushom, l-MFA jew l-assoċjazzjonijiet sportivi u nies oħrajn relatati – biex jagħtu l-fehma tagħhom u b’hekk ikun hemm diskussjoni dettaljata li twassal għal soluzzjonijiet xierqa għall-ġid tat-tfal Maltin.
Permezz ta’ dan il-Kumitat Parlamentari jkun jista’ jeżamina s-sitwazzjoni preżenti, l-effetti soċjali u fuq is-saħħa tat-tfal, u kif il-proposta tal-Oppożizzjoni tista’ taħdem bl-aħjar mod biex tiżblokka din il-kwistjoni.
//= $special ?>