Lokali

Filmat: “Tela’ għalih, qabdu mill-flokk u kaxkru minn tal-linja” – xhieda fuq il-post tal-aggressjoni

Filmati xokkanti li ttellgħu fuq Facebook juru agressjoni li seħħet iktar kmieni llum, f’żona ta’ San Ġwann, fejn xufier tal-linja jidher jaqla’ daqqiet bla ħniena mingħand sewwieq ieħor. Dan tal-aħħar issa ġie identifikat bħala żagħżugħ ta’ 30 sena.

Il-filmat juri lix-xufier tal-linja maqbud minn rasu, bl-agressur li jsabbtu minnr asu ripetutament mal-ġenb tal-karozza tal-linja.

Net News irnexxielu jagħmel kuntatt ma’ wieħed mix-xhieda fuq il-post, li filwaqt li xtaq jibqa’ anonimu, qal li kien impressjonat bir-rabja tal-agressur. “Rajtu jitla’ għalih fuq tal-linja, qabdu mill-flokk u kaxkru ‘l barra mill-karozza tal-linja fejn qabad itih.”

Dan kollu seħħ waqt li l-agressur kien akkumpanjat minn mara, li saħansitra f’ħin minnhom kienet ordnata mill-istess raġel biex tħallih, u tmur fil-karozza fejn it-tifel, allegatament dak li matul il-filmat jinstema’ jibki, imwerwer, waqt li jitkarrab lil missieru biex jieqaf u jikkalma.

Għall-ewwel, matul din l-agressjoni, kien biss anzjan wieħed li pprova jwaqqaf l-agressjoni iżda dan kellu jirtira meta r-raġel dar lejh u heddu biex jeiqaf. Iktar tard imbagħad kien hemm bżonn tliet ġuvintur biex irnexxielhom jikkontrollaw il-qilla tal-agressur.

Ix-xufier tal-linja kellu jittieħed lejn poliklinika fejn kien invistat minn tabib, iżda fortunatament ma jidhirx li sofra ġrieħi serji.

Il-Pulizija jiftħu investigazzjoni

Il-Pulizija qed jiġbru l-filmati kollha li jixhdu dan l-inċident bl-għan li jgħinuhom fl-investigazzjonijiet dwar dan il-każ.

Dan is-sit hu nfurmat ukoll li l-kumpanija Malta Public Transport kisbet ukoll il-filmati mill-kameras tas-sigurtà tal-istess karozza tal-linja biex ikunu jsitgħu jintużaw mill-awtoritajiet fil-każ kontra l-agressur.

Maħsuda bl-agressjoni – Malta Public Transport

Il-kumpanija li tmexxi s-servizz tat-trasport pubbliku f’pajjiżna, il-Malta Public Transport, fi stqarrija ddeskriviet dan il-każ bħala wieħed xokkanti.

Il-kumpanija wegħdet il-kooperazzjoni sħiħa tagħha mal-Pulizija fl-investigazzjonijiet tagħhom dwar dan il-każ.

Ikkummenta