Lokali Qorti

Ifalli mandat ta’ inibizzjoni biex jingħalaq il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb

Mandat ta’ inibizzjoni minn pubblikatur kontra l-organizzaturi tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb sabiex jitwaqqaf il-festival – li qed jittella’ f’dawn il-jiem f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi – ma ntlaqax.
L-Erbgħa li għadda, propju dakinhar li fetaħ il-Festival, il-kumpanija Dom Communications Ltd ippreżentat mandat ta’ inibizzjoni – li kien inltaqa’ b’mod proviżorju – kontra l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, iċ-Chairman tal-Kunsill Mark Camilleri u l-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol sabiex il-Festival jitwaqqaf minħabba li l-Kunsill ma ħalliex lill-kumpanija tieħu sehem fl-istess Festival.
Madanakollu, il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Jacqueline Padovani Grima irrevokat id-digriet li laqa’ l-mandat ta’ inibizzjoni b’mod proviżorju wara rikors preżentat b’urġenza mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.
Il-kwistjoni tmur lura għal iktar kmieni din is-sena u ddur mal-fatt li l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ma ħalliex lil Dom Communications tipparteċipa fil-Festival “minħabba li din il-kumpanija tistampa u tbiegħ kotba li m’għandhiex copyright fuqhom u l-Kunsill ma jqisx li jista’ jissanzjona ksur sfaċċat tal-liġi.”
Fir-rikors b’urġenza, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb fakkar li Josef Grech, il-persuna wara l-kumpanija Dom Communications, diġa’ nstabet ħatja f’diversi każi ta’ ksur ta’ copyright, ikkuppjar ta’ xogħol ħaddieħor u frodi.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qalet li jidher b’mod ċar illi Dom Communications Ltd ressqet il-mandat ta’ inibizzjoni propju meta infetħet il-fiera tal-ktieb sabiex tikseb effett massimu a spejjeż tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.
Il-Qorti nnutat ukoll li minbarra l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, din l-azzjoni jkollha effett fuq il-parteċipanti kollha tal-fiera li diġa’ ħallsu l-miżati tal-parteċipazzjoni u li għalihom, din il-fiera tfisser parti sostanzjali min-negozju u l-għixien tagħhom matul is-sena.
Fid-dawl ta’ dan kollu il-Qorti “tagħraf illi ma jkunx raġjonevoli li dan il-mandat ta’ inibizzjoni milqugħ proviżorjament jibqa’ fis-seħħ.”
L-Avukati Mark Mifsud Cutajar u Andrew Sciberras dehru għal Dom Communications Ltd u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb rispettivament.