Lokali Saħħa

Il-fatti ma jista’ jmerihom ħadd

Minkejja kull attentat li jista’ jagħmel il-Gvern permezz tal-kumpanija Vitals Global Healthcare, l-fatti ma jista’ jmerihom ħadd. Dalgħodu, l-kumpanija Vitals Global Healthcare – li ħadd ma jaf ta’ min hi u min hemm warajha – pruvat tiddefendi lil Ram Tumuluri li, kif joħroġ mid-dokument anness ma’ din l-istqarrija, hu implikat fi frodi. Id-dokument anness huwa tal-Qorti Suprema tal-British Colombia fil-Kanada.

L-istqarrija tkompli billi tgħid illi l-poplu Malti u Għawdxi m’huwiex mazzun kif jixtiequ li hu l-ogħla nies f’Kastilja. Il-fatt li l-ftehim dwar il-bejgħ tal-isptarijiet ġie ffirmat jumejn biss qabel ingħatat il-go ahead biex jinfetħu l-kontijiet sigrieti fil-Panama mill-istess individwi li nnegozjaw dawn id-deals ma jista’ jmerieh ħadd.

Dan minbarra l-fatt li l-istess Ram Tumuluri – li hu implikat fi frodi – kien diġà qiegħed jinnegozja mal-Gvern Malti qabel ħarġet is-sejħa għall-interess. Dan ukoll hu fatt li ma jista’ jmerieh ħadd.

Il-PN qal li qabel ma jiprova jbiddel fatti stabbiliti, il-Gvern Malti messu jgħid min hemm wara l-kumpanija Vitals Global Healthcare u għaliex, minn daqs dawk kumpaniji u individwi, għażel persuna implikata fi frodi biex tmexxi l-Isptarijiet Karin Grech, San Luqa u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.