Lokali

Konrad Mizzi fil-lista tat-‘Top 10’ fl-investigazzjoni tal-iskandlu tal-Panama Papers

Fil-lista tat-top ten tal-aktar persuni fil-mira tal-UE minhabba l-iskandlu tal-Panama hemm inkluż mhux biss Konrad Mizzi, izda anke nies aktar ‘il fuq fil-Gvern ta’ Malta.

Hekk stqarr Werner Langen, l-MEP li qed imexxi l-Kumitat tal-UE illi qed jinvestiga dan l-iskandlu, f’intervista li ta din il-ġimgħa lill-ġurnal Politico.

F’din l-intervista, l-MEP Ġermaniż insista illi “anke jekk dawn il-kumpaniji sigrieti saru b’mod legali taħt il-liġi tal-Panama, żgur mhumiex legali taħt il-liġi Ewropea”.

Werner Langen huwa ċ-chairperson tal-Kumitat PANA, il-Kumitat tal-Parlament Ewropew illi qed jinvestiga l-iskandlu tal-Panama Papers u l-effetti tiegħu fuq l-UE.

Ma’ Politico huwa saħaq li “ċittadin tal-UE li juża kumpaniji sigrieti biex jaħbi flus u jevita t-taxxa ikun qed jikser il-liġi.”

Langen insista li f’Diċembru se jkunu qed jintbagħtu deputati Ewropej f’pajjiżna biex jinvestigaw l-allegazzjonijiet serji li ħarġu fil-konfront ta’ Konrad Mizzi. “L-ewwel delegazzjoni tal-Parlament Ewropew se tmur Malta f’nofs Diċembru. Se mmorru ukoll l-Istati Uniti”, qal iċ-chairperson tal-Kumitat PANA.

Fl-intervista, Werner Langen ħabbar li fl-1 ta’ Diċembru se jagħti x-xiehda tiegħu l-Kummissarju Pierre Moscovici, u preżenti se jkun hemm uffiċjali tal-Gvern Malti minħabba li f’Jannar tibda l-Presidenza.

Langen saħaq li mill-għaxar persuni li hemm fil-lista tiegħu (dawk li jridu jiġu investigati) hemm il-Kummissarju Ewropew Neelie Kroes. Apparti Kroes, l-uniku żewġ ismijiet li issemmew direttament minn Langen f’din l-intervista huma dawk ta’ Carlos Zeyen u “il-persuna li f’Malta jmexxi l-enerġija, Konrad Mizzi”. Din il-lista għadha trid tiġi finalizzata.

faccata