Il-Partit Nazzjonalista l-aktar popolari fost iż-żgħażagħ u l-votanti l-ġodda
Iż-żewġ stħarriġ ippubblikati llum mill-Maltatoday u The Malta Independent on Sunday juru xejriet pożittivi għall-Partit Nazzjonalista u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil hekk kif, minbarra li dejjem qed jonqos id-distakk bejn iż-żewġ partiti, in-numri juru li l-fiduċja f’Simon Busuttil qed tiżdied.
Meta wieħed iħares lejn l-istħarriġ tal-Maltatoday isib li d-distakk bejn iż-żewġ mexxejja qed ikompli jonqos. Fil-fatt, mill-istħarriġ tal-lum jirriżulta li hemm ferm aktar votanti Laburisti li jafdaw lil Simon Busuttil milli votanti tal-Partit Nazzjonalista li jafdaw lil Muscat. Anke fost dawk li vvutaw lill-Partit Laburista fl-2008 u lill-Partit Nazzjonalista fl-2013, Simon Busuttil huwa aktar fdat minn Muscat.
L-istħarriġ juri kif il-Partit Nazzjonalista kompla jissaħħaħ fost dawk li vvutawlu fl-2013 tant li llum 81% ta’ dawk li vvutawlu, li huma 5% aktar mill-aħħar stħarriġ, qed jgħidu li se jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista. Dan jikkuntrasta bil-kbir ma’ dawk li vvutaw Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni tant li 66% biss tagħhom qed jgħidu li se jerġgħu jivvutaw lill-Partit Laburista. Kważi 7% ta’ dawk li vvutaw lil Partit Laburista fl-2013 issa qed jgħidu li se jivvutaw Partit Nazzjonalista – dan huwa 1.1% aktar mill-istħarriġ li għamlet l-istess gazzetta f’Settembru li għadda.
Minn naħa l-oħra, l-istħarriġ ta’ The Malta Independent, juri kif il-maġġoranza taż-żgħażagħ li se jivvutaw fl-elezzjoni li jmiss għall-ewwel darba, jagħżlu lill-Partit Nazzjonalista. Fil-fatt, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jġib 32% tal-voti taż-żgħażagħ, il-Partit Laburista jġib biss 4.5% ta’ dawn il-voti. Dan huwa sentiment li qed jinħass f’ħafna pajjiżi hekk kif bosta popli, fil-maġġoranza tagħhom iż-żgħażagħ, qed jibbażaw l-għażla tal-vot tagħhom kontra l-establishment tal-pajjiż, jiġifieri kontra l-Gvern tal-ġurnata.
L-istħarriġ ta’ The Malta Independent, li kif żvelat fl-aħħar jiem juri li l-maġġoranza tan-nies jemmnu li dan il-Gvern huwa korrott kif ukoll li l-Gvern m’għandux kredenzjali ambjentali, jindika wkoll li l-maġġoranza assoluta jemmnu li ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi kellhom jitkeċċew mill-karigi tagħhom wara li nqabdu li fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama biex fihom jitfgħu s-senserija.
Interessanti hu l-fatt li dawn iż-żewġ stħarriġ saru eżatt wara l-budget għas-sena d-dieħla li ġeneralment hu żmien fejn il-Gvern tal-ġurnata jżid fil-fiduċja tiegħu fost in-nies – xi ħaġa li dawn iż-żewġ stħarriġ jikkonfermaw li ma ġratx.
Iż-żewġ gazzetti użaw metodi differenti għall-istħarriġ tagħhom li hi r-raġuni għalfejn iż-żewġ gazzetti jagħtu riżultati differenti.
//= $special ?>