“Għalija ma kien hemm xejn ġdid… għalija kienet (kwistjoni li) naraw meta se toħroġ l-istorja”
Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo ammetta li kien ilu jaf bl-allegat każ ta’ korruzzjoni fil-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS) u li l-kwistjoni kienet biss dwar meta l-istorja kienet se toħroġ fil-pubbliku.
Dikjarazzjoni ċara li għamel il-Ministru Bartolo fid-dawl tal-istorja żvelata mill-gazzetta Maltatoday: li l-Pulizija qed tinvestiga lil Edward Caruana – il-persuna responsabbli mid-direct orders fl-FTS.
“Għalija ma kien hemm xejn ġdid” qal il-Ministru f’kummenti lil NETnews “ilni nsegwih u ili nafu, għalija kienet (kwistjoni li) naraw meta se toħroġ l-istorja,” żied jgħid, f’kumment li jikxef u jikkonferma il-mod kif Evarist Bartolo żamm dan il-każ moħbi mill-pubbliku.
L-allegazzjonijiet saru mill-Kap Eżekuttiv tal-FTS Philip Rizzo, li rriżenja mill-kariga tiegħu, u li informa lill-Prim Ministru Joseph Muscat bl-allegazzjonijiet tiegħu.
Skont il-gazzetta li żvelat dan il-każ, Philip Rizzo kien offrut kariga oħra mill-Prim Ministru, madanakollu dan m’aċċettax.
Edward Caruana, li jiġi ħu Joseph Caruana – is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, ġie trasferit mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada. Madanakollu, il-Ministru ma qalx fejn ġie trasferit. Ma’ NETnews, qal biss “dehrli li m’għandux ikollu x’jaqsam aktar mal-attivitajiet tal-Fondazzjoni jew tal-Ministeru”.
Meta staqsejna għaliex ma ġiex sospiż, il-Ministru wieġeb li d-deċiżjoni li jitneħħa mill-FTS kienet tiegħu u li “biex jiġi sospiż, l-ewwel iridu jitlestew ċertu investigazzjonijiet”.
Intant, dwar dan il-każ ta’ allegazzjoni interna qed issir investigazzjoni mill-Internal Audit Investigations Department, dipartiment li jaqa’ taħt l-Uffiċju tal-Prim Ministru.
Il-Pulizija wkoll qed tinvestiga dan il-każ, bl-għajnuna ta’ Philip Rizzo u dokumenti li ppreżenta.
Intant, dwar dan l-artiklu, il-Ministeru ta’ Evarist Bartolo bagħat risposta bi dritt għar-risposta skont il-liġi, biex fiha jgħid li ttieħdu l-passi fil-pront dwar dan il-każ billi sar rapport lill-pulizija mill-Ministeru, filwaqt li ġiet provduta l-informazzjoni kollha dwar il-każ, apparti li d-dipartiment tal-IAID ġie mitlub jinvestiga wkoll.
Fid-dritt għar-risposta, il-Ministeru nsista li l-artiklu tagħna li qed nippubblikaw hawn, “jagħti l-impressjoni skorretta li ma ttieħdux passi”.
Madanakollu, dan mhux il-każ peress li fl-artiklu jingħad ċar li l-awtoritajiet (kemm il-Pulizija kif ukoll id-Dipartiment tal-Awditjar Intern u l -Investigazzjonijiet) qed jinvestigaw.
Fl-istess dritt għar-risposta, imkien ma jissemma jekk il-pubbliku ġiex infurmat bil-każ – f’konferma ohra li l-każ filfatt inżamm moħbi mill-pubbliku, xi ħaġa li tikkostitwixxi l-qofol tal-istorja ppubblikata minn dan il-ġurnal.
//= $special ?>