Żagħżugħa ta’ 22 sena mwielda l-Venezwela ngħatat il-libertà bil-kundizzjoni li ma twettaqx reat ieħor fi żmien 18-il xahar wara li ammettiet li serqet ħwejjeġ minn ħamest iħwienet differenti f’Tas-Sliema.
Krisny Valeska Sanchez Castillo, li tinsab Malta biex tistudja l-Ingliż, tressqet quddiem il-Maġistrat Francesco Depasquale akkużata b’serq ta’ ħwejjeġ li l-valur komplessiv tagħhom ma jaqbiżx il-€534. Hi ammettiet l-akkużi miġjuba kontriha, esprimiet l-indiema tagħha għal għemilha u rritornat il-ħwejjeġ misruqa.
Mistoqsija għaliex wettqet dawn is-serq, Sanchez Castillo wieġbet li ma rrealizzatx li se tidħol f’inkwiet daqshekk kbir. “M’intix tifla żgħira, suppost taf li m’għandekx tisraq”, tenna l-Maġistrat Depasquale.
Meta ta s-sentenza, il-Maġistrat Depasquale qal lill-ħatja li tista’ tiġi Malta tistudja kemm trid iżda mhux biex tisraq. Sanchez Castillo mistennija tħalli Malta s-Sibt li ġej.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jonathan Ransley, filwaqt li l-Avukat Josette Sultana assistiet lil Sanchez Castillo.
//= $special ?>

