Lokali Qorti

“Qatt ma kont is-sid ta’ kumpanija fil-Panama” – Ann Fenech

Il-President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Ann Fenech ċaħdet kategorikament li qatt kellha kumpanija fil-Panama.
L-Avukat Ann Fenech stqarret dan waqt ix-xhieda tagħha fil-kawża ta’ libell kontra Joseph Muscat u Daniel Micallef fil-kwalita’ tagħhom bħala Mexxej u President tal-Partit Laburista f’isem l-istess Partit Laburista.
Quddiem il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Francesco Depasquale, Ann Fenech xehdet fit-3 u fis-6 ta’ Marzu li għadda il-Partit Laburista ħareġ żewġ stqarrijiet li kienu ntiżi biex joskurawha u jħammġu r-reputazzjoni tagħha.
L-istqarrijiet imorru lura għaż-żmien meta faqqa’ l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti tal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff Keith Schembri fil-Panama. L-allegazzjonijiet kienu jirriferu għal ħlasijiet għal xogħol għall-Air Malta, l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza u dwar żewġ kumpaniji fil-Panama li nfetħu mill-kumpanija Fenlex Corporate Services li hi sussidjarja tad-ditta Fenech & Fenech li tagħha Anne Fenech hi managing partner.
Ann Fenech sostniet li l-istqarrijiet tal-Partit Laburista li hi ħadet €1 miljun f’konsulenzi lill-Air Malta m’humiex korretti. Hi d-ditta li għamlet ix-xogħol u li ħadet dawk il-flus u mhux hi personalment kif ipprovat tagħti x’tifhem l-istqarrija.
Dwar il-programm tal-bejgħ taċ-ċittadinanza, l-Avukat Fenech qalet li d-ditta Fenech & Fenech hi ditta kbira li għandha ħafna dipartimenti u hi personalment qatt ma għamlet u m’hi se tagħmel dan ix-xogħol, u dan fuq kwistjoni ta’ prinċipju.
L-istess stqarrijiet tal-Partit Laburista gidbu għal kollox u amplifikaw id-doża tal-gidba meta allegaw li fl-2003, Ann Fenech fetħet żewġ kumpaniji fil-Panama bil-għan li jpoġġuha fl-istess keffa tal-Ministru Konrad Mizzi li nqabad li fetaħ kumpanija fil-Panama wara l-ħatra tiegħu bħala Ministru.
L-Avukat Fenech qalet li l-verita’ hi li fl-2003, Fenlex Corporate Services assistiet fil-ftuħ tal-Kumpanija Timber Capital Trading u fl-2004 Union Private u fiż-żewġ każi, il-kumpanija Fenlex kienet direttur. Fil-Qorti, Ann Fenech esibiet ukoll il-“Form K” tal-MFSA li turi li hi saret Direttur ta’ Fenlex Corporate Services fl-2005. Li jfisser li lanqas biss kienet direttur ta’ Fenlex meta l-istess kumpanija kienet direttur ta’ dawn il-kumpaniji u għaldaqstant qatt ma’ kellha x’taqsam mal-kumpaniji. Barraminhekk, kompliet Ann Fenech, il-Panama ma kienitx blacklisted mill-Unjoni Ewropea fiż-żmien meta kienu ffurmati dawn il-kumpaniji.
Ann Fenech qalet li b’riżultat ta’ dawn l-istqarrijiet, il-Partit Laburista mela’ Malta b’posters fuq billboards b’wiċċha u l-kliem “The Lady in Panama”, kif ukoll video mill-Partit Laburista f’tentattiv sabiex tiġi assoċjata mal-kumpaniji fil-Panama.
Hi qalet li permezz ta’ dawn il-gideb fl-istqarrijiet oriġinali, l-attentat biex tiġi oskurata kompla fil-ġranet ta’ wara f’diversi programmi tat-televiżjoni, artikli u blogs fosthom mill-Avukat Robert Abela waqt TVAM, il-Ministru Konrad Mizzi waqt Times Talk u l-Ministru Chris Cardona waqt il-programm Reporter li jixxandru fuq l-istazzjon nazzjonali.
Hi qalet li l-ħsara infirxet lil hinn minn xtutna hekk kif f’Marzu stess ta’ din is-sena, kien hemm konferenza dwar il-qasam tas-super yachts f’Malta li attirat diversi parteċipanti prominenti li Ann Fenech taf professjonalment. Dawn il-kollegi raw il-billboards u staqsewha x’qed jiġri. Hi fakkret li ilha taħdem fil-qasam marittimu fuq livell internazzjonali għal dawn l-aħħar 30 sena u kellha tgħaddi mill-umiljazzjoni li triq toqgħod tispjega li m’għandhiex x’taqsam mat-taħwid li kien qed jiġri f’Malta.
Il-ħsara lir-reputazzjoni tagħha kompliet anki mill-Prim Ministru stess meta għal mistoqsija dwar il-Ministru Konrad Mizzi, Joseph Muscat qal lill-ġurnalist “mhux aħjar tistaqsini fuq Ann Fenech”.
Ann Fenech hi assistita mill-Avukati Joe Zammit Maempel u Antonio Ghio filwaqt li l-Avukat Pawlu Lia qed jidher għall-Partit Laburista
Il-każ ikompli