Lokali Saħħa

FILMAT: Waqt li l-pazjenti jingħataw mediċina skaduta, il-klikka korrotta tbigħ l-isptarijiet lil min hu implikat fi frodi

Id-differenza bejn dak li jgħixu l-familji fil-ħajja ta’ kuljum u dak li taħseb u tagħmel il-klikka korrotta ta’ pajjiżna toħroġ b’mod ċar fis-settur tas-saħħa, fejn filwaqt li l-pazjenti fl-ITU qed jingħataw mediċina skaduta, l-klikka korrotta ta’ pajjiżna qed tbigħ l-isptarijiet lil min hu implikat fi frodi, u jumejn qabel ingħataw il-go ahead biex jinfetħu l-kontijiet sigrieti fil-Panama. Id-differenza hi ċara: il-klikka korrotta tinsab maqtugħa mir-realtà tal-pazjenti u ta’ dawk kollha li jaħdmu fis-settur tas-saħħa f’pajjiżna.

Dan qalitu x-Shadow Minister tas-Saħħa Claudette Buttigieg waqt konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata wkoll mill-kandidat għall-elezzjoni ġenerali Mario Rizzo Naudi. Claudette Buttigieg qalet li l-aħbar li l-pazjenti fl-ITU – l-aktar dipartiment kruċjali fl-Isptar Mater Dei għaliex fih ikun hemm nies li qed jiġġieldu għal ħajjithom – ingħataw mediċini skaduti hi waħda xokkanti u li tqajjem dubji serji dwar kif il-Gvern qed jitratta l-pazjenti fl-aktar mumenti debboli tagħhom.

Ix-Shadow Minister tas-Saħħa sostniet li d-dinjità tal-pazjenti jixirqilha ferm aħjar minn mediċini skaduti. Hi rreferiet għal dak irrappurtat f’The Times of Malta, jiġifieri li l-Ministru tas-Saħħa sostna li hu normali li l-pazjenti jingħataw mediċina skaduta. Filwaqt li sostniet li l-eċċezzjonijiet jeżistu, hi qalet li din m’għandiex tkun il-prassi. “Li kieku din hija l-prassi, għalfejn infetħet inkjesta dwar dan il-każ?” staqsiet ix-Shadow Minister.

Claudette Buttigieg qalet ukoll li filwaqt li l-pazjenti u l-ħaddiema qed ikollhom jgħaddu minn dan il-martirju, il-klikka korrotta ta’ pajjiżna qed tbigħ l-isptarijiet ta’ Malta u Għawdex – l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-Isptar San Luqa u l-Isptar Karen Grech – lil persuna li hu implikat fi frodi. Hi qalet li ġimgħa wara li saru diversi mistoqsijiet dwar Ram Tumuluri – l-persuna li l-klikka korrotta ta’ pajjiżna nnegozjat il-bejgħ tal-isptarijiet – dawn il-mistoqsijiet għadhom ma ġewx imwieġba.

Ix-Shadow Minister tas-Saħħa fakkret li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil diġà wiegħed li Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qed jaħtar investigazzjoni indipendenti dwar il-kuntratti kollha ffirmati jew innegozjati minn dawk li nqabdu li fetħu l-kumpaniji sigrieti fil-Panama – fosthom il-kuntratti tal-bejgħ tat-tliet sptarijiet.

Minn naħa tiegħu, Mario Rizzo Naudi sostna li bosta pazjenti li jiltaqa’ magħhom hu – ħafna minnhom anzjani – mhux qed ikollhom biżżejjed flus biex jixtru l-mediċini li għandhom bżonn. Hu fakkar li kemm ilu Muscat Prim Ministru, n-numru ta’ anzjani f’pajjiżna fir-riskju tal-faqar żdied, u għalhekk dawn l-anzjani qed ikollhom sfidi kbar biex isibu l-flus li għandhom bżonn biex jixtru l-mediċini.