Lokali

Id-deal tal-Power Station hu korrott: il-poplu Malti u Għawdxi m’għandux bżonn din il-Power Station

Id-‘deal’ li nnegozjat il-klikka korrotta ta’ pajjiżna, li jorbot lil pajjiżna biex jixtri l-elettriku bil-għoli għal 18-il sena sħaħ hu deal korrott, aktar u aktar meta d-deal sar ma’ Power Station li pajjiżna m’għandux bżonn. Kif diġà mpenja lilu nnifsu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, Gvern ġdid Nazzjonalista jixtri l-elettriku minn fejn ikun l-irħas għall-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin.

Dan qalitu x-Shadow Minister tal-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport Marthese Portelli waqt konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata wkoll mill-kandidat għall-elezzjoni ġenerali Aaron Micallef Piccione. Marthese Portelli qalet li d-deal korrott li għamlet il-klikka korrotta ta’ pajjiżna se jfisser li pajjiżna se jkun qed jitlef mal-€100 miljun fis-sena. Dan għaliex li filwaqt li l-klikka korrotta nnegozjat il-prezz ta’ 9ċ6 għal kull unit mill-Power Station, il-prezz għal kull unit mill-interconnector hu dak ta’ bejn 3ċ u 6ċ – b’medja ta’ 45ċ.

Ix-Shadow Minister tal-Enerġija sostniet li l-Power Station korrotta la għandna bżonnha biex jorħsu l-kontijiet, la biex jitnaqqas it-tniġġis u lanqas għaliex m’għandniex biżżejjed provista tal-elettriku. “Dan ifisser li din il-Power Station innegozjata mill-klikka korrotta m’għandniex bżonnha,” insistiet Marthese Portelli.

Hi fakkret li l-Gvern stess għadu kemm ippubblika ċifri dwar il-ġenerazzjoni tal-elettriku li juru kemm l-interconnector u l-Power Station tal-BWSC naqqsu drastikament b’60% t-tniġġis mill-ġenerazzjoni tal-elettriku. Dawn l-istess ċifri juru li l-bżonn medju ta’ elettriku f’Malta hu ta’ 350MW. Marthese Portelli kompliet tispjega li l-interconnector jagħti 200MW, il-Power Station tal-BWSC tiproduċi 150MW u mill-pannelli solari nieħdu 50MW: jiġifieri b’kollox 400MW enerġija – li hu aktar minn biżżejjed bħall-bżonnijiet normali tal-pajjiż.

Minn naħa tiegħu, Aaron Micallef Piccione staqsa għaliex il-klikka korrotta ta’ pajjiżna tinsab iffissata fuq Power Station bla bżonn u li l-prezz tagħha huwa ferm għoli – d-doppju – minn dak li qed nixtru bħalissa. Hu fakkar li l-istess klikka korrotta li nnegozjat dan id-deal jinten inqabdet li fetħet kumpaniji sigrieti fil-Panama biex fihom jintefgħu l-commissions. Hu fakkar ukoll li kumbinazzjoni – jew mhu kumbinazzjoni xejn – fl-istess ġurnata li l-kumpanija Gasol biegħet 30% tal-ishma tagħha mill-konsorzju Electrogas – dakinhar stess, il-kumpanija sigrieta fil-Panama ta’ Konrad Mizzi ġiet trasferita fit-trust tan-New Zealand.

Aaron Micallef Piccione fakkar li kif impenja ruħu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, Gvern ġdid Nazzjonalista jaħtar investigazzjoni indipendenti dwar kull ftehim li ġie nnegozjat mill-klikka korrotta ta’ pajjiżna li nqabdet li fetħet kumpaniji sigrieti fil-Panama.