Lokali

Imut Fr Joe Saliba: għal numru ta’ snin kien ta’ konsolazzjoni għal min kien qed ibati fl-Isptarijiet San Luqa u Mater Dei

Dalgħodu tħabbret il-mewt ta’ Fr Joe Saliba, il-Patri fil-Kappella tal-Isptar Mater Dei li kien magħruf ma’ bosta pazjenti u l-qraba tagħhom għaż-żjarat li kien jagħmel fis-swali minn ħin għall-ieħor.

Fl-età ta’ 64 sena, Fr Joe miet wara li tah ħass ħażin fil-Kappella tal-Isptar, fi tmiem ‘shift’ ieħor ta’ bil-lejl. Hu ħassu ħażin meta kien qed jipprepara għall-Quddiesa u ttieħed immedjatament fid-Dipartiment tal-Emerġenza.

Madankollu, it-tentattiv mill-mediċi f’dan id-Dipartiment irriżulta fin-negattiv, hekk kif Fr Joe miet ftit tal-ħin wara.

Għal ħafna, Fr Joe kien ta’ konsolazzjoni fi żmien diffiċli għalihom jew għall-qraba u l-ħbieb tagħhom li kienu għaddejjin fi żmien diffiċli ta’ saħħa. Hu ilu joffri dan is-servizz għal numru ta’ snin, fosthom anke meta l-Isptar San Luqa kien l-Isptar ewlieni ta’ Malta.

Hu kellu ħafna għal qalbu wkoll lid-diversi Infermiera li ħadem magħhom u li jiddeskrivuh bħala persuna li dejjem offra appoġġ psikoloġiku anke lilhom għall-problemi waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.