Il-Ħadd li ġej fil-lukanda Westin Dragonara f’San Ġiljan se jitlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, bit-tema “Nirnexxu Lkoll Flimkien”.
F’dan il-Kunsill Ġenerali, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil mistenni jniedi politika ġdida għan-negozji ż-żgħar, li huma s-sinsla tal-ekonomija Maltija. Fost dawn hemm il-ħwienet, li jagħtu l-ħajja lil ħafna lokalitajiet u fejn jaħdmu għexieren ta’ eluf ta’ ħaddiema.
Il-politika li se jħabbar il-Kap tal-Partit Nazzjonalista se tinkludi proposti importanti u qawwija, imfassla wara li ġew studjati bir-reqqa xi sfidi qed jiffaċċja dan is-settur tant importanti għas-sidien stess, għall-konsumaturi li jixtru mingħandhom u għall-ħaddiema tagħhom, kif ukoll x’għandu bżonn issa u fil-futur.
Dan hu s-sitt dokument bi proposti konkreti li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed iniedi. Id-dokumenti ta’ qabel kienu żewġ dokumenti ta’ Qabel il-Budget bil-proposti tal-Partit, wieħed dwar l-Ekonomija għan-Nies, ieħor dwar it-Traffiku u ieħor dwar Governanza Tajba.
Il-Kunsill Ġenerali tal-Ħadd li ġej jibda fid-9am, fejn minbarra l-interventi tal-Kunsilliera se jkun hemm ukoll diskorsi mis-Segretarju Ġenerali Rosette Thake, mill-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Partit Beppe Fenech Adami, mill-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament Mario de Marco u d-diskors tal-għeluq mill-Kap tal-Partit Simon Busuttil.
//= $special ?>