Lokali

Toni Abela mistenni jinħatar Imħallef it-Tnejn li ġej

L-eks Deputat Mexxej Laburista Toni Abela mistenni jinħatar Imħallef it-Tnejn li ġej. Dan wara li ngħata fil-jiem li għaddew ġie approvat mill-Kumitat għall-Ħatriet tal-Ġudikanti.

Din l-aħbar kienet żvelata llum mill-ġurnal The Times of Malta, li pprova jieħu l-kumment tal-Avukat Abela. Madankollu, min-naħa tiegħu, l-eks Deputat Mexxej Laburista għażel li ma jikkummentax. Mistoqsi direttament dwar il-ħatra, hu ma ċaħadx.

Il-ġurnal irrapporta li Abela għamel kuntatt ma’ dawk li għad għandhom kawżi pendenti ta’ libelli miegħu matul il-karriera politika biex jintlaħaq qbil barra l-Qorti, b’uħud minn dawn qed jirreżistu din il-possibbiltà. Mistoqsi dwar dan kollu, Toni Abela reġa’ ma ċaħadx.

F’Marzu li għadda, l-eks Deputat Mexxej Laburista ma għaddiex mit-test tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew biex ikun membru fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Dakinhar, hu kien sab kritika qawwija wara n-nuqqas ta’ azzjoni fl-iskandlu tal-Panama u fil-każ tal-blokka bajda f’Każin Laburista.

Sa minn dakinhar, hu kien tilef postu fil-Partit Laburista u minfloku ntgħażel Konrad Mizzi, li iżda rriżenja wara biss ftit jiem. Wara dan kollu, Toni Abela la qatt ma reġa’ daħal f’kariga tal-Partit Laburista u lanqas deher f’attivitajiet pubbliċi tal-Partit.