Lokali

Nuqqasijiet serji: l-ERA għandha tiċħad il-permess – il-PN

It-tanker tal-gass f’Marsaxlokk hu l-uniku wieħed li tpoġġa f’port miftuħ mingħajr protezzjoni għall-elementi. Affarijiet bħal dawn ma ssibhom imkien fid-dinja ċivilizzata.

Sostniet dan Ann Fenech, President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN u espert fil-qasam marittimu waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha ippreżentat rapport tekniku preliminari li jelenka nuqqasijiet serji fl-istudji tar-riskji u tas-sigurta’ f’tentattiv biex jiġġustifikaw il-preżenza tat-tanker fil-bajja ta’ Marsaxlokk. Ir-rapport kien ippreżentat waqt il-laqgħa ta’ konsultazzjoni organizzata lbieraħ mill-Awtorita’ għall-Ambjent u r-Riżorsi

Ann Fenech qalet li r-rapport jindika 6 nuqqasijiet serji li għandhom iwasslu sabiex l-Awtorita’ dwar l-Ambjent tiċħad il-permessi ambjentali għall-proġett tal-Electrogas.

Dawn huma:
• Bajja mhux protetta
• Nuqqasijiet fl-istudji dwar l-impatt tal-mewġ
• Nuqqasijiet fis-sistema tal-ankri f’każ ta’ maltemp
• In-nuqqas ta’ ganċijiet speċjali li jaqtgħu iċ-ċimi f’każ ta’ emerġenza
• Diversi ksur tad-Direttiva SEVESO tal-UE dwar is-sigurta’
• Ksur tal-linji gwida dwar id-disinn ta’ portijiet u mollijiet għal impjanti li jaħdmu bl-LNG

F’kummenti ma’ dan l-istazzjon Ann Fenech staqsiet għaliex il-Gvern qed jibqa’ jwebbes rasu u jippersisti li jpoġġi t-tanker f’nofs il-bajja ta’ Marsaxlokk minkejja n-nuqqasijiet u l-perikli evidenti.

Nuqqasijiet oħra huma marbuta mal-moll innifsu, li miegħu qed jintrabata it-tanker. Ann Fenech qalet li ċ-ċertifikazzjoni dwar kemm jiflaħ dan il-moll għall-maltemp għadha lanqas saret, meta suppost din kellha titlesta’ minn qabel jinbena’ l-istess moll. Lanqas ma ngħata każ għall-periklu li hemm fl-irdum viċin li hu magħmul minn ġebla ratba ħafna u li partijiet kbar minnha iċedu.

Ann Fenech irreferiet ukoll għall-eżempji li bdew iġibu l-iżviluppaturi tal-proġett bħala paragun għall-dak f’Marsaxlokk, il-port tal-Klaipeda fil-Litwanja u La Spezia fl-Italja. Hi wriet mapep taż-żewġ portijiet fejn sostniet li jidher ċar li hemm tentattiv ta’ qerq għaliex dawn il-portijiet m’għandhom x’jaqsmu xejn ma’ Marsaxlokk.

Min-naħa tagħha, ix-Shadow Ministru għat-Trasport, l-Ambjent u l-Enerġija Marthese Portelli qalet li dan il-proġett mhux fl-interess pubbliku. Mhux biss minħabba in-nuqqasijiet ta’ sigurta’ elenkati f’dan ir-rapport iżda wkoll għal fatturi oħra. Fosthom, li hawn biżżejjed kapaċita’ ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku kif indikat miċ-Chairman tal-Enemalta stess, ir-roħs fit-tariffi diġa qed jinkiseb mill-interconnector u l-impjant tal-BWSC u t-tniġġiż diġa’ naqas b’60%. Barraminhekk il-Gvern intrabat li jixtri l-elettriku kollu li tipproduċi l-Electrogas għal 18-il sena, anki jekk ikun jista’ jinxtara b’irħas mill-interconnector. Marthese Portelli irreferiet ukoll għall-ispiża kapitali ta’ dan il-proġett. Hi qalet li filwaqt li l-interconnector jista’ jiġġenera 200MW u sewa’ €200 miljun, il-power station tal-Electrogas mistenni tiġġenera 215MW u n-nefqa kienet ta’ €450 miljun.

Marthese Portelli qalet li dan id-deal korrott mhux fl-interess tal-poplu.

Il-kelliem għall-Ambjent u l-Ippjanar Ryan Callus irrefera għall-aspett tas-sigurta mill-qasam tal-avjazzjoni. Filwaqt li l-Electrogas lanqas biss daħlet f’dan l-aspett għaliex eskludiet li hemm periklu, Transport Malta giddbet lill-istess konsorzju meta sar magħruf li se timponi no-fly zone ta’ 3km. Dan se jaffetwa wkoll waħda mill-erba’ zoni madwar Malta fejn l-ajruplani jorbitaw u jistennew f’każ ta’ traffiku.

Il-Kelliem għall-Agrikoltura u s-Sajd Toni Bezzina qal li l-laqgħa ta’ konsultazzjoni ta’ 6 sigħat iktar qajjmet mistoqsijiet milli wieġbet. Hu qal li l-Gvern iktar jimpurtah mit-tanker milli mis-sigurta’ tal-opri tal-baħar tas-sajjieda hekk kif il-breakwater mitlub mis-sajjieda baqa’ fuq l-ixkaffa. Hu staqsa wkoll jekk il-preżenza tat-tanker hux se tfisser it-tmiem tal-logħob tan-nar f’Marsaxlokk.

Min-naħa tiegħu, il-Kandidat tal-PN għall-Elezzjoni Ġenerali Mark Anthony Sammut irrefera l-laqgħa ta’ konsultazzjoni tal-bieraħ bħala erba’ siegħat ta’ preżentazzjonijiet u brainwashing biex jitgħattew in-nuqqasijiet serji tal-proġett. Hu ddeplora l-mod kif il-Partit Laburista organizza d-delegati u l-attivisti b’tali mod li ħonqu kull tentattiv ta’ diskussjoni fil-laqgħa, kif ukoll iċ-Chairman tal-ERA li kważi beda jiddefendi lill-operaturi meta r-rwol tal-Awtorita’ kien wieħed li tisma’ u tevalwa dak li jingħad.