Il-moviment tal-Malti hu kontra l-emendi proposti mill-Ministru Evarist Bartolo għal-liġi dwar il-Malti. Dan il-moviment hu magħmul mill-Akkademja tal-Malti, id-Dipartiment tal-Malti fl-Università, id-Dipartiment tal-Malti fil-Junior college, l-istitut tal-lingwistika fl-Universita, l-Ghaqda tal-Malti fl-Universita u l-Għaqda tal-Qarrejja tal-Provi tal-Malti
Fi stqarrija dawn l-għaqdiet qalu li qed isegwu l-proposti tal-Gvern fuq il-Liġi tal-Malti. Sostnew li l-proposti huma ftit imma xorta jdgħajfu l-Kunsill il-ġdid tal-Malti għax ifaqqruh mill-element akkademiku. Għalkemm hija ħaġa tajba li r-rappreżentanza fil-Kunsill kibret b’4 membri ġodda, il-proposti tal-Gvern fihom tliet nuqqasijiet kbar.
Il-Kunsill sal-lum kellu 11-il membru: 7 kienu nies ikkwalifikati fil-Malti u 4 li jistgħu ma jkunux ikkwalifikati. Skont il-proposta tal-Gvern, il-Kunsill il-ġdid għandu jkollu 13-il membru: 6 se jkunu nies ikkwalifikati imma 7 jistgħu ma jkunux ikkwalifikati. Dan ifisser li d-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Malti se jibdew jittieħdu minn grupp ta’ nies li l-biċċa l-kbira minnhom jistgħu ma jkunux kwalifikati fil-Malti.
Il-Kunsill jaħdem ukoll permezz ta’ numru żgħir ta’ kumitati tekniċi, eż., il-Kumitat tal-Informatika, il-Kumitat tat-Terminoloġija, eċċ. Sa issa l-Kap ta’ kull kumitat kien jinħatar mill-Kunsill minn fost nies proposti mill-Akkademja tal-Malti u d-Dipartiment tal-Malti fl-Università, li bla dubju huma l-aktar żewġ awtoritajiet akkademiċi stabbiliti. Skont l-għaqdiet, Din is-serjetà se tintilef bil-proposti l-ġodda għaliex il-Kap se jiġi propost minn 5 (mit-13-il membru) tal-Kunsill tal-Malti. Wieħed irid jiftakar li skont il-proposti se jkun hemm 7 membri li jistgħu ma jkollhom l-ebda kwalifika jew għarfien tal-Malti. Mela 5 membri li jistgħu ma jkunux kwalifikati fil-Malti se jkollhom saħħa jinnominaw Kap Tekniku.
Skont il-liġi kif kienet, il-kwistjonijiet tekniċi fuq il-lingwa kienu f’idejn Kummissjoni ta’ nies esperti. U l-Kunsill seta’ ma jaċċettax il-proposti tal-Kummissjoni imma ma seta’ qatt jibdilhom. Imma skont il-liġi proposta, il-Kunsill magħmul minn maġġoranza ta’ nies li mhux bilfors huma kkwalifikati fil-Malti se jkollu s-setgħa jiddeċiedi hu flok il-Kummissjoni meta ma jaqbilx magħha. Dan ifisser li, jekk tgħaddi l-liġi kif inhi proposta mill-Gvern, id-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Malti se jgħaddu minn idejn nies li jifhmu għal idejn nies li jistgħu ma jkunux kwalifikati.
L-għaqdiet u l-entitajiet tal-Malti iddikjaraw li ma jaqblux mal-partijiet tal-emendi li jdgħajfu l-element akkademiku tal-Kunsill tal-Malti, ma jaqblux li jittajjar is-sehem tal-Akkademja u tad-Dipartiment tal-Malti fil-ħatra tal-Kapijiet tal-Kumitati Tekniċi, ħatriet li dejjem saru skont il-kwalifika akkademika kif ukoll ma jaqblux li l-maġġoranza tal-membri tal-Kunsill tista’ tkun magħmula minn nies li mhumiex ikkwalifikati fl-istudju ta’ lsienna.
//= $special ?>