Illum il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista
Il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern se jkun qed iwaqqaf one-stop-shop għall-ħwienet u n-negozji ż-żgħar bil-għan li jnaqqas il-burokrazija u jelimina l-fatt li ħafna servizzi għal dawn l-intrapriżi jingħataw minn diversi aġenziji tal-amministrazzjoni pubblika.
Din il-proposta hi waħda minn 51 proposta li se jkun qed iħabbar il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil aktar tard illum waqt id-diskors tiegħu fil-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista bit-tema ‘Nirnexxu lkoll flimkien. Il-Kunsill Ġenerali ta’ dalgħodu se jsir fil-lukanda Westin Dragonara.
Id-dokument li se jkun imniedi llum bit-tema ‘A Policy for Retailers’ hu s-sitt dokument bi proposti li se jkun qed joħroġ il-Partit Nazzjonalista fi żmien ta’ 14-il xahar. Id-dokumenti l-oħra huma tnejn tal-Pre-Budget: Żvilupp Sostenibbli u Dinjità għal Kulħadd, u Nirnexxu Lkoll Flimkien, dak bi proposti dwar l-ekonomija ‘Ekonomija għan-Nies, dak bi proposti għal tnaqqis fit-traffiku fl-immedjat ‘Reducing Traffic Congestion – Short Term Measures, kif ukoll dak dwar tmexxija tajba ‘Nibnu Fiduċja Ġdida fil-Politika.
Il-proposta li qed tiżvela din il-gazzetta – dik ta’ one-stop-shop għall-ħwienet u n-negozji ż-żgħar se tkun qed tieħu l-forma ta’ aġenzija li tkun qed taħdem fuq standards ta’ self regulation, kif ukoll li tipromwovi lil Malta bħala destinazzjoni tal-ħwienet u fl-istess ħin tiffaċilità li l-inċentivi finanzjarji lin-nies fis-settur. Din l-aġenzija – kif proposta mill-Partit Nazzjonalista – se jkollha rappreżentazzjoni tal-operaturi – l-aktar tal-GRTU – biex ikun assigurat li din l-aġenzija ma tkunx saff ieħor ta’ burokrazija.
L-aġenzija se jkollha r-rwol li tiprepara u tippreżenta lill-Parlament u lill-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, ‘State of Retail’ li hu rapport annwali li jispjega s-sitwazzjoni tal-industrija tal-ħwienet, kif qed jiġu implimentati l-miżuri fid-dokument kif ukoll pjan ta’ azzjoni li jiffoka fuq tkabbir ekonomiku. Dan ifisser li din l-aġenzija se jkollha r-rwol kruċjali li tara li dawn il-51 proposta ppreżentati fid-dokument imniedi llum se jkunu qed jitwettqu minn Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Simon Busuttil.
Proposta oħra interessanti li se jkun qed iniedi l-Kap tal-Partit Nazzjonalista llum hi dik tas-settur ‘Only Digital’. Din il-proposti tinkludi li s-servizzi amministrattivi kollha li jintużaw mis-settur tal-ħwienet jitpoġġew fuq pjattaforma diġitali biex b’hekk, ma jibqax jinħela l-ħin biex is-sidien tal-ħwienet joqgħodu jduru d-dipartimenti tal-Gvern. Il-Partit Nazzjonalista qed jimpenja ruħu li kull proċedura li ma tistax issir b’mod diġitali titneħħa u tiġi rranġata b’tali mod li tkun tista’ titwassal b’mod elettroniku.
Id-dokument tal-Partit Nazzjonalista, li se jkun qed jiġi ppreżentat f’aktar dettall f’konferenza tal-aħbarijiet fil-ġimgħa li ġejja, hu maqsum fuq tliet pilastri ewlenin: li jikber is-suq tal-ħwienet, li jiġu maħsuba mill-ġdid l-ispazji għall-ħwienet, kif ukoll li tissaħħaħ ir-riżorsa umana ta’ individwi li jaħdmu f’dan is-settur. Kruċjali se jkunu wkoll il-proposti biex titneħħa l-burokrazija, kif spjegat hawn fuq, għas-settur tal-ħwienet.
Minkejja li s-sidien tal-ħwienet jistgħu jidhru żgħar fl-ekonomija ta’ pajjiżna, l-Partit Nazzjonalista qed jagħti importanza kbira lil dan is-settur, u jemmen li b’dan is-settur, l-ekonomija tista’ tkompli tikber. Il-Partit Nazzjonalista għaraf l-isfidi li għandhom il-kważi 7,000 operatur fis-settur tal-ħwienet f’pajjiżna, u wara konsultazzjoni wiesgħa, qed joħroġ b’dawn il-51 proposta. Is-settur tal-ħwienet jimpjega aktar minn 18,000 persuna f’Malta u f’Għawdex.
Fid-diskors tiegħu waqt il-Kunsill Ġenerali, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil mhux biss se jkun qed iniedi dan id-dokument bil-proposti kollha fih, iżda se jkun qed jiffoka fuq proposta partikolari li mistennija tagħmel differenza kbira fl-operat tal-ħwienet f’pajjiżna.
Id-diskors tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista se jkun qed jiffoka wkoll fuq temi oħrajn bħall-Masterplan ta’ Paceville, l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin, b’mod partikolari l-pagi tal-familji f’pajjiżna, kif ukoll il-korruzzjoni li fniet dan il-Gvern f’setturi diversi.
Il-ħidma fuq id-dokument tmexxiet mix-Shadow Minister tal-Ekonomija Claudio Grech, bil-ħidma tal-Viċi Kap għall-Ħidma Parlamentari u Shadow Minister għall-Finanzi Mario de Marco, il-Kelliem għan-Negozji ż-Żgħar, il-Manifattura, l-Kummerċ, is-Self-Employed u l-Koperattivi Robert Arrigo, kif ukoll il-Kelliema għas-Servizzi Finanzjarji, l-IT u l-Gaming Kristy Debono.
//= $special ?>

