Sabiex jistimula s-settur tal-ħwienet u n-negozji ż-żgħar, il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li jnaqqas ir-rata ta’ taxxa għas-sidien tal-ħwienet u n-negozji ż-żgħar għal 10% biss fuq l-ewwel €50,000 qligħ li jagħmlu. Din il-proposta se tfisser li s-sidien tal-hwienet u n-negozji ż-żgħar se jkunu qed jiffrankaw bejn €3,600 u €12,500 f’taxxa kull sena.
Din hija l-proposta ewlenija minn 51 proposta li l-Partit Nazzjonalista qed iressaq f’dokument li jfassal il-politika tiegħu għas-settur tal-ħwienet u n-negozji ż-żgħar li jinkludi ‘l fuq minn 6,500 negozju u iktar minn 18,000-il ħaddiem li jaħdmu f’dan is-settur.
Fl-introduzzjoni tiegħu għal dan id-dokument il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil irrikonoxxa l-valur importanti tas-settur tal-ħwienet u n-negozji ż-żgħar fl-ekonomija Maltija. Huwa qal li l-proposta li t-taxxa għas-settur tal-ħwienet u n-negozji ż-żgħar titnaqqas għal 10% tal-qligħ se tiġġenera t-tkabbir f’dan is-settur u tixhed it-twemmin tal-Partit Nazzjonalista li l-ekonomija qiegħda hemm għan-nies u mhux bil-kontra.
Id-dokument jagħraf li minkejja li kien hemm tkabbir, is-settur tal-ħwienet u dak tan-negozji ż-żgħar qed jiffaċċja sfidi kbar minħabba kompetizzjoni qawwija, tnaqqis fil-qligħ u nuqqas ta’ investiment f’dan is-settur. Id-dokument jitlaq minn dawn l-isfidi u jipproponi 51 proposta li tfasslu wara konsultazzjoni wiesgħa mas-sidien tal-ħwienet.
Proposti oħra li kienu mfassla biex jinċentivaw lis-settur tal-ħwienet u n-negozji ż-żgħar jinkludu t-tneħħija tas-sisa li kienet proposta mill-Gvern Laburista fuq numru ta’ prodotti, it-twaqqif ta’ Bank Malti għall-Iżvilupp li jgħin lis-sidien tal-ħwienet biex jegħlbu l-isfidi li qed jiffaċċjaw, skemi li jgħinu lis-sidien tal-ħwienet jagħmlu l-aqwa użu mill-aħħar żviluppi fit-teknoloġija u iktar servizzi ta’ child care f’zoni fejn hemm il-ħwienet.
Proposti oħra għandhom l-għan li jsaħħu s-suq u jinkludu t-twaqqif ta’ kalendarju ta’ avvenimenti ta’ xiri u skemi li jinċentivaw iktar negozji biex jattiraw ditti ta’ fama internazzjonali.
Proposti oħra jiffukaw fuq l-ispazji użati għan-negozju. Fost dawn il-proposta li tinaqqas it-taxxa fuq proprjeta f’zoni identifikati għar-riġenerazzjoni u t-tnaqqis tal- income tax fuq il-kera tal-ħwienet f’dawn iz-zoni. Il-Partit Nazzjonalista huwa impenjat ukoll li parti mill-VAT mill-bejgħ f’lokalitajiet partikolari tintuża għal titjib fl-infrastruttura tal-lokalitajiet rispettivi. Proposta oħra hija r-riġenerazzjoni tal-monti wara konsultazzjoni sħiħa mal-Kunsilli lokali.
Proposta oħra hija t-tneħħija tal-burokrazija żejda permezz ta’ aġenzija waħda li sservi bħala one stop shop iffukat fuq is-settur tal-ħwienet u ta’ pjattaforma diġitali għan-negozji kollha f’pajjiżna.
L-impenn tal-Partit Nazzjonalista issa hu li dan id-dokument jinbidel fi progett li jiġi diskuss mal-imsieħba socjali u li jkun imħaddan minn kull sid tan-negozju f’pajjiżna. Id-dokument issa huwa miftuħ għad-diskussjoni u kull min jixtieq jagħti r-reazzjoni tiegħu jista’ jagħmel dan fuq retailers@pn.org.mt
//= $special ?>