Ġanni Attard kien inżamm arrestat għal madwar 5 siegħat
Kienu laħqu nqatlu iktar minn 200 nagħġa sakemm inħareġ mandat sabiex tieqaf il-qatla
“Ma kien hemm ħadd li kien qed jaġixxi ta’ sid fir-razzett fl-Għarb fil-ħin li kont hemm, ma kontx naf ta’ min kien ir-razzett.” Hekk sostna Joseph Portelli, dak iż-żmien Direttur Corporate Services fil-Ministeru għal Għawdex, meta llum xehed fil-kawża Kostituzzjonali li fetaħ ir-raħħal Għawdxi Ġanni Attard b’rabta mal-qatla ta’ iktar minn 200 nagħġa mir-razzett tiegħu.
Fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, Sede Kostituzzjonali, Joseph Portelli xehed li lejliet li kellha ssir il-qatla fit-3 ta’ Novembru 2012, id-Direttorat tiegħu irċievu struzzjonijiet mid-Direttur tas-Servizzi Veterinarji Anthony Gruppetta sabiex jipprovdi trakkijiet u ħaddiema għaliex kien hemm bżonn li jinqatlu xi nagħaġ. Joseph Portelli qal li d-Dipartiment tiegħu – li dak iż-żmien kien responsabbli għax-xogħolijiet pubbliċi, l-agrikoltura u l-indafa pubblika – ipprovda żewġ trakkijiet u tliet biċċiera.
Meta kien mistoqsi jekk tkellimx mas-superjuri tiegħu dwar dan il-każ, Portelli wieġeb li ma jiftakarx sew imma aktarx li iva u li tkellem mad-Direttur Ġenerali fil-Ministeru u mas-Segretarju Permanenti.
Quddiem l-Imħallef Anna Felice, Ġanni Attard qed jilmenta li kien hemm ksur tad-dritt fundamentali tal-propjeta’ tiegħu meta ħaddiema mis-servizzi veterinarji u mill-Ministeru għal Għawdex qabdu u daħlu fir-razzett tiegħu, li nkiser ukoll id-dritt għat-tgawdija tal-istess propjeta’ meta nqatlu numru sostanzjali ta’ nagħaġ mill-merħla tiegħu u li nkisru d-drittijiet fundamentali tiegħu li ġie arrestat mingħajr raġuni valida.
Joseph Portelli kompla li dakinhar li saret il-qatla, huma kienu qed jistennew fejn il-biċċerija. Iktar tard wasal it-tabib Gruppetta u flimkien miegħu marru fir-razzett fl-Għarb fejn kien mal-400 nagħġa.
Mistoqsi kif daħal fir-razzett u jekk kienx hemm xi ħadd li kien qed jaġixxi ta’ sid, Joseph Portelli wieġeb li l-post kien miftuħ u baqgħu deħlin bit-trakkijiet. Hu qal li ma setax jgħid ta’ min kienu n-nagħaġ u ma ra lil ħadd li kien qed jaġixxi ta’ sid.
Mistoqsi jekk rax lil Ġanni Attard fuq il-post, Portelli wieġeb li ma rahx fuq il-post u kien sema’ li kien qiegħed fl-Għassa tal-Pulizija
Fil-pront, bdiet il-qatla tan-nagħaġ billi jisparawlhom u jiskarnawhom fuq il-post, imbagħad il-ħaddiema għabbew il-karkassi fuq it-trakkijiet biex jittieħdu fis-sezzjoni tal-biċċerija fejn isir il-ħruq tal-karkassi. Din il-ħidma baqgħet għaddejja għal madwar ħames siegħat minn xi l-10.30a.m. sat-3p.m. meta kien infurmat minn Dr Gruppetta li nħareġ mandat ta’ inibizzjoni sabiex tieqaf il-qatla. Joseph Portelli qal li sa dak il-ħin, kienu nqatlu mal-200 nagħġa, jiġifieri madwar nofs il-merħla.
Iktar kmieni xehdu numru ta’ pulizija li kienu stazzjonati fl-Għassa tar-Rabat Għawdex u fil-lock-up fl-istess Għassa. Dawn xehdu li ngħataw ordnijiet sabiex jarrestaw lil Ġanni Attard minħabba “ordni pubbliku”. Il-Kuntistabbli Mark Anthony Camilleri qal li Attard inġieb fil-lock-up għall-ħabta tas-1.10p.m iżda ma kienx jaf fejn kien qed jinżamm bejn l-10.30a.m. u l-ħin meta twassal fil-lock up. Hu kien rilaxxat għall-ħabta tal-3.45p.m.
L-Avukat Joshua Grech qed jidher għal Ġanni Attard
Il-każ ikompli.


