Il-moll tat-tanker inbena minkejja twissija ċara fir-rapport tekniku
L-istudju tekniku intitolat ‘Wave Penetration Study’, jagħmilha ċara li l-moll tat-tanker tal-gass kellu jiġi ddisinjat b’attenzjoni peress li l-informazzjoni miġbura dwar il-mewġ m’hijiex preċiża. Madanakollu, sat-18 ta’ Diċembru 2015, jiġifieri meta kien tlesta dan l-istudju, il-moll mhux talli kien diġa ddisinjat, iżda talli kien diġa inbena.
Din l-osservazzjoni saret fir-rapport preżentat mill-Partit Nazzjonalista, li fih ġie nnutat li l-informazzjoni dwar il-mewġ m’hijex preċiża peress li ma nġabritx informazzjoni reali u attwali minn bagi fil-baħar, li jikkalkulaw il-veru qawwa tal-mewġ li jaħkem liż-żona. Minflok ma saru dawn il-‘wave buoy readings’, kif jissejjħu b’mod tekniku, ittieħdet informazzjoni minn fuq websajts tal-baħar, liema informazzjoni ġiet ikkalkulata b’mod li ma pprovdietx informazzjoni preċiża.
Ir-rapport tal-Partit Nazzjonalista jżid li hu fatt magħruf li ‘wave buoy readings’ xjentifiċi huma essenzjali għal kwalunkwe proġett, liema informazzjoni kienet inġabret għal snin sħaħ qabel ma nbnew ċertu terminals tal-Freeport. Il-fatt li ma nġabritx l-informazzjoni reali u attwali, u l-ammissjoni fl-istudju li l-mewġ huma fir-realtà jista’ jkun ogħla mil-livell stabbilit, iwasslu għal rapporti skorretti meta dawn huma r-rapporti li fuqhom suppost kien ibbażat id-disinn tal-moll.
Studji dwar l-impatt tal-mewġ: ngħaddu mingħajrhom jew le?
Ir-rapport tal-Partit Nazzjonalista jinnota wkoll li l-istudji fihom inkonsistenza dwar jekk hemm bżonn li jsiru studji reali dwar l-impatt tal-mewġ fuq iż-żona, jew le. Jirriżulta li għat-tqegħid ta’ tanker tal-gass f’nofs il-bajja ta’ Marsaxokk, l-istudji b’informazzjoni reali dwar ir-riħ u l-mewġ setgħu ma jsirux – kif filfatt ma sarux hekk kif jirriżulta li kien biżżejjed li ġew pprovduti numri miġbura minn fuq l-internet. Madanakollu, mhux l-istess jingħad għal dawk l-okkażjonijiet fejn fil-port ta’ Marsaxlokk jidħol tanker tal-gass ieħor biex jimla’ lit-tanker ‘Armada LNG Mediterrna’ bil-gass.
Qabel nispjegaw aktar fid-dettal, tajjeb li wieħed jifhem li t-tanker ‘Armada LNG Mediterrana’ sab postu f’nofs il-bajja mhux protetta ta’ Marsaxlokk bħala ‘floating storage unit’. Dan ifisser li t-tanker se jibqa’ ankrat f’postu b’mod permanenti (sakemm mhux għax ikollu jinħareġ mill-bajja f’każ ta’ xi emerġenza). Għaldaqstant, dan ifisser li minn żmien għal żmien, fil-bajja ta’ Marsaxlokk se jkollu jidħol tanker ieħor biex jissuplixxi l-gass, liema tanker jissejjaħ ‘LNG Carrier’.
L-istudju intitolat ‘Real-time Manoeuvring Simulations’ iħares lejn dawn l-okkażjonijiet u jispjega li dawn l-LNG Carriers għandhom jimmanuvraw sakemm isibu posthom maġenb il-‘floating storage unit’ (li f’dan l-każ huwa t-tanker Armada LNG Mediterrana’). F’dan l-istudju jintqal li biex ikunu jistgħu jsiru dawn l-operazzjonijiet ta’ dħul u manuvrar mil-LNG Carriers, jeħtieġ li jkun hemm “informazzjoni reali dwar ir-riħ, il-mewġ u l-kurrent, liema informazzjoni reali hija “indispensabbli”. Ma setax jonqos, għaldaqstant, li fir-rapport tiegħu, il-Partit Nazzjonalista jistaqsi: għaliex l-informazzjoni reali hija indispensabbli f’każ ta’ tanker li jiġi jissuplixxi l-gass imma mhux fil-każ ta’ tanker li se jibqa’ ankrat b’mod permanenti?
Ma nafux jekk il-moll tat-tanker tal-gass ġiex klassifikat kif suppost
Punt ieħor li ġie nnutat fl-istudju tal-Partit Nazzjonalista hu dwar il-moll li nbena biex miegħu jirmiġġa t-tanker tal-gass, bl-istudju jinnota li sa issa għadna ma nafux jekk il-moll ġiex klassifikat kif suppost. L-istudju jinnota li l-operatur tal-powerstation u t-tanker tal-gass, il-konsorzju Electrogas, fix-xhur li għaddew ikkommetta ruħu li sal-24 ta’ Awwissu (li għaddha) ikollu f’idejh rapport mill-kumpanija ‘Bureau Veritas’ (BV) dwar il-klassifikazzjoni tal-moll.
Kull moll li jinbena jrid ikun klassifikat, speċjalment mollijiet li magħhom jintrabtu ‘floating storage units’ bħal ma hu t-tanker tal-gass ‘Armada LNG Mediterrana’. Ladarba l-moll inbena u ladarba t-tanker tal-gass ġie rmiġġat miegħu, suppost, il-moll ġie klassifikat. Madanakollu għadu ma ġiex provdut rapport dwar dan.
Ir-rapport tal-Partit Nazzjonalista jqajjem ukoll numru ta’ mistoqsijiet dwar l-istudju intitolat ‘Moored Ship Response Study’ li jitratta sitwazzjonijiet differenti li kollha jinvolvu l-irmiġġ tat-tanker tal-gass mal-moll. Fir-rapport tiegħu, il-Partit Nazzjonalista qal li jinnota li meta l-mewġ jgħola għal-livell ta’ żewġ metri u nofs, jiġifieri sitwazzjoni fejn ir-riħ ikun forza ħamsa, it-tanker ma jkunx jista’ jibqa’ irmiġġat mal-moll. Dan filwaqt li mhux magħruf x’inhu l-massimu ta’ għoli tal-mewġ li l-kumpanija BV lesta li taċċetta biex tkun tista’ tikklassifika u tiċċertifika l-moll. Jirriżulta wkoll li meta l-mewġ ikun għoli żewġ metri, ma jkunux jistgħu jidħlu LNG Carriers biex jissuplixxu l-gass lit-tanker ‘Armada LNG Mediterrana’.
Inkonsistenzi dwar il-mod kif it-tanker tal-gass għandu jankra
Ir-rapport tal-Partit Nazzjonalista jinnota wkoll inkonsistenzi dwar il-mod kif it-tanker tal-gass għandu jankra.
Ir-rapport intitolat ‘Moored Ship Response Study’ iħares lejn il-possibilitajiet ta’ kif it-tanker tal-gass jista’ jkun ankrat. Wieħed minn dawn il-metodi jissejjaħ ‘spread mooring’, fejn fuq wara u fuq quddiem, il-bastiment ikollu numru ta’ ankri – kemm fuq il-lemin kif ukoll fuq ix-xellug tiegħu.
Imma r-rapport li jħares lejn il-metodi ta’ kif it-tanker jista’ jankra, speċifikament jiskoraġixxi s-sistema ta’ ‘spread mooring’ tant li r-rapport jgħid li ‘jkun ta’ sfida li wieħed jibni sistema ta’ ‘spread-mooring’ f’baħar li mhuwiex fond. Sistema ta’ ‘spread mooring’ b’saħħitha jkollha bżonn żona kbira, li jidher li m’hijiex vijabbli għall-bajja ta’ Marsaxlokk’.
Iżda filwaqt li dan ir-rapport jiskoraġixxi din is-sistema ta’ ankraġġ, rapport separat intitolat ‘Additional Moored Ship Response Calculation’, jissuġerixxi sistema ta’ ankraġġ fil-maltempati li hija l-istess bħas-sistema ta’ ‘spread mooring’.
Ir-rapport tal-Partit Nazzjonalista jidħol fid-dettal tas-sistema proposta ta’ ankraġġ, liema ankraġġ skont l-istudju kellu jsir b’sistema li tissejjaħ ‘anchor pile’. Din tirreferi għal sistema fejn l-ankri jitqabbdu ma’ struttura vertikali li tiddaħħal f’qiegħ il-baħar. Madanakollu, l-istess studju jgħid li l-‘klijent’ qed jikkunsidra sistema alternattiva li ma tużax ‘anchor pile’ , bir-rapport tal-Partit Nazzjonalista jistaqsi għaliex mhux se tintuża sistema ta’ ‘anchor pile’, li ġeneralment hija kkunsidrata bħala sistema aktar b’saħħitha għall-ankraġġ.
X’jiġri jekk tfalli s-sistema ta’ ankraġġ fil-maltempati?
L-istudji ppreżentati mill-awtoritajiet jindikaw li t-tanker se jkollu total ta’ tmien ankri, bl-ankri numru sebgħa u tmienja huma l-aktar żewġ żewġ ankri li fuqhom jista’ jkun hemm ġbid qawwi fil-maltemp, ġbid li jista’ jlaħħaq is-sitt mitt tunnellata. Dawn iż-żewġ ankri jinsabu fuq ix-xellug min-naħa ta’ quddiem tat-tanker, bil-Partit Nazzjonalista jistaqsi fir-rapport tiegħu x’jiġri jekk il-ġbid qawwi jwassal biex ifallu l-ankri jew l-istrutturi li magħhom jintrabtu l-ankri fuq il-bastiment (liema strutturi jissejjħu ‘bollards’).
Ir-rapport tal-Partit Nazzjonalista jistaqsi jekk saritx ċertifikazzjoni tas-sistema ta’ ankraġġ fil-maltemp (imsejjħa ‘storm mooring system’), u jekk saret, minn min. L-istudji ppreżentati mill-awtoritajiet l-anqas ma jikkunsidraw l-effett li l-maltemp jista’ jkollu fuq il-ktajjen, fuq is-sistema ta’ ankraġġ ma’ qiegħ il-baħar, fuq il-‘bollards’ u kif dawn jistgħu jfallu, u x’effett jista’ jkollhom fuq xulxin f’każ ta’ maltemp qawwi.
It-tanker għadu mhux mgħammar bi ‘quick release hooks’ neċessarji f’każijiet ta’ emerġenza
Skont l-istudji ppreżentati, fuq it-tanker tal-gass ‘Armada LNG Mediterrana’ kellhom jiġu nstallati total ta’ 10 ‘quick release hooks’, bl-istudji kemm-il darba jirrepetu li l-bastiment se jiġi mmodifikat bl-installazzjoni ta’ dawn il-‘quick release hooks’. ‘Quick release hooks’ huma sistemi moderni li jippermettu li l-ħbula tal-ankraġġ jinħallu fl-iqsar żmien possibbli, tant li llum il-ġurnata huma prerekwiżit assolut f’każijiet ta’ emerġenza. Imma fir-rapport tiegħu, il-Partit Nazzjonalista jinnota li dawn il-‘quick release hooks’ ma ġewx installati, u sal-lum, it-tanker tal-gass għadu mingħajrhom.
L-impjant f’Dellimara se jkun jinkludi ‘floating storage unit’ irmiġġat mal-moll, kif ukoll tankers li minn żmien għal żmien iżuru l-bajja ta’ Marsaxlokk biex jissuplixxu l-gass, imsejjħa ‘LNG Carriers’. Fuq it-tanker tal-gass ‘Armada LNG Mediterrana’ kellhom jitwaħħlu żewġ tipi ta’ ‘quick release hooks’ – dawk li f’każijiet ta’ emerġenza jħollu l-ħbula minn mal-LNG Carriers u dawk li f’każijiet ta’ emerġenza jħollu l-ħbula minn mas-sistema ta’ ankraġġ.
Madanakollu jirriżulta, skont ir-rapport ippubblikat mill-Partit Nazzjonalista, li l-ebda tip ta’ ‘quick release hook’ ma ġew installati, bil-Partit Nazzjonalista jinsisti li għaldaqstant, is-sigurtà tat-tanker f’każijiet ta’ emerġenza ġiet mhedda, b’possibiltà li t-tanker jispiċċa jġorr l-ankri jew saħansitra jinġarr għal fuq l-art. Il-Partit Nazzjonalista, fir-rapport tiegħu, innota wkoll li ma ġie ppubblikat l-ebda studju li jikkalkula l-ħin li jittieħed biex it-tanker jinħall mis-sistema ta’ ankraġġ f’każ ta’ emerġenza mingħajr ‘quick release hooks’, liema ħin mistenni jkun twil minħabba l-bżonn li jintużaw bastimenti tal-irmonk biex iħollu l-ankri minn mal-ħbula tal-bastiment.
Kif se jinħareġ tanker bla magni barra minn Marsaxlokk f’każ ta’ maltemp qawwi?
Fl-aħħar ġimgħat sar magħruf li f’każ ta’ maltemp qawwi, it-tanker tal-gass jista’ jkollu jinħareġ ‘il barra mill-bajja ta’ Marsaxlokk. Skont l-istudju dwar l-impatt ambjentali, il-magni tal-bastiment ‘Armada LNG Mediterrana’, li sa ftit ilu kien il-bastiment ‘Wakaba Maru’, se jkunu qed jiġu demobilizzati wara sena ta’ operat tat-tanker bħala ‘floating storage unit’.
Dwar dan, il-Partit Nazzjonalista qajjem numru ta’ mistoqsijiet fir-rapport tiegħu, partikolarment dwar l-okkażjonijiet fejn it-tanker ikollu jinħareġ ‘il barra minn Marsaxlokk fil-maltemp qawwi.
Ir-rapport tal-Partit Nazzjonalista jinnota li f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-assistenza tal-bastimenti tal-irmonk ma tistax tiġi kkunsidrata bħala operazzjoni normali ta’ irmonk, iżda operazzjoni ta’ irmonk ta’ bastiment massiv bla magni, jew inkella bastiment ‘mejjet’. Il-mistoqsijiet ikomplu jqumu partikolarment fid-dawl tal-fatt li l-istudji ppreżentati mill-awtoritajiet stess jgħidu li hemm qbil li jkun diffiċli għall-bastimenti tal-irmonk li joperaw u jimmanuvraw f’sitwazzjonijiet fejn il-mewġ ikun qed jogħla sa żewġ metri. ‘Aħseb u ara kemm dawn il-bastimenti tal-irmonk se jkunu jistgħu jagħtu assistenza immedjata lil bastiment bla magni’ jinnota l-Partit Nazzjonalista fir-rapport tiegħu.
L-ebda studju dwar il-possibiltà ta’ kolliżjoni mat-tanker tal-gass
It-tanker tal-gass ‘Armada LNG Mediterrana’ se jkun qed jiġi irmiġġat ma’ moll li nbena apposta. Madanakollu, f’ċertu okkażjonijiet, jista’ jkun li t-tanker tal-gass jinqala’ minn mal-moll u jankra permezz ta’ sistema ta’ ankraġġ apposta għall-maltemp, sistema magħrufa bħala ‘storm mooring system’. Madanakollu, jirriżulta li meta l-bastiment ikun ankrat fuq is-sistema ta’ ‘storm mooring’, l-ankri se jkunu qed jitpoġġew fiż-żona magħrufa bħala ‘turning circle’ – jiġifieri dik iż-żona fil-baħar li fiha jimmanuvraw il-bastimenti meta jkunu qed jidħlu jew joħorġu mill-bajja ta’ Marsaxlokk.
Dwar dan, il-Partit Nazzjonalista esprima tħassib, fir-rapport imħejji minnu, dwar il-fatt li ma sar l-ebda studju dwar il-possibiltà ta’ kolliżjoni mat-tanker tal-gass, bir-rapport tal-Partit Nazzjonalista jistaqsi jekk Transport Malta stabilixxietx żona ta’ esklużjoni li l-bastimenti jridu jirrispettaw. Dan filwaqt li sa issa, kollox jindika li meta jkun dieħel LNG Carrier fil-bajja ta’ Marsaxlokk biex jissuplixxi l-gass lit-tanker ‘Armada LNG Mediterrana’, it-traffiku ta’ bastimenti dieħel jew ħiereġ mill-bajja ta’ Marsaxlokk mistenni jitwaqqaf, b’sajjieda jesprimu tħassib dwar dan.
Dawn in-nuqqasijiet joħorġu minn wieħed mill-istudji ppreżentati mill-awtoritajiet, intitolat ‘Collision Permutations’, li jħares lejn il-possibilitajiet li tkun ikkawżata xi kolliżjoni li tkun tinvolvi t-tanker tal-gass. L-istudju sar billi ġie studjat it-traffiku ta’ bastimenti fil-bajja ta’ Marsaxlokk. Madanakollu, fir-rapport tiegħu, il-Partit Nazzjonalista qal li jinnota li r-rapport ‘Collusion Permutations’ huwa bbażat biss fuq ċifri ta’ sena waħda – is-sena 2013. L-istudju ppreżentat mill-awtoritajiet stess jgħid li l-analiżi ma tikkunsidrax żidiet fit-traffiku fil-bajja ta’ Marsaxlokk, peress li ma ġewx provduti stimi ta’ kemm dan it-traffiku jista’ jiżdied fis-snin li ġej.
Mhux ċar min se jassumi r-responsabbiltà f’każ ta’ emerġenza
Skont ir-rapport tal-Partit Nazzjonalista, l-istudji jfallu milli jipprovdu pjanijiet ta’ emerġenza mil-lat marittimu, apparti li hemm in-nuqqas serju li l-ebda entità m’hi qed tassumi r-responsabbiltà għall-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe pjanijiet ta’ emerġenza mil-lat marittimu. Ir-rapport tal-Partit Nazzjonalista jikkwota lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li kien qal bl-aktar mod ċar li m’għandux l-esperti, l-assi u r-riżorsi li jieħu f’idejh l-azzjonijiet ta’ emerġenza mil-lat marittimu, iżda jkun jista’ jikkordina ma’ stakeholders oħrajn, bħal ma hi Transport Malta.
Imma Transport Malta, min-naħa tagħha, qalet li filwaqt li hi tkun lesta li tassisti skont kif meħtieġ f’każ ta’ emerġenza, il-kompetenzi rispettivi għandhom ikunu definiti skont dak li tipprovdi l-liġi. Dawn ir-reazzjonijiet qanqlu l-mistoqsija mill-Partit Nazzjonalista ta’ min se jkun qed jassumi r-responsabbiltà f’każ ta’ emerġenza mil-lat marittimu.
Jinħeba l-pjan ta’ emerġenza għall-pubbliku
Qabel ma saret il-laqgħa pubblika mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi dwar it-tanker u l-powerstationt tal-gass nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Novembru, il-media kienet diġa żvelat li l-‘External Emergency Report’ imħejji mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, fih paġni moħbija, b’dubji jqumu dwar jekk filfatt tħejjiex pjan ta’ emerġenza għall-pubbliku. Dan il-pjan ta’ emerġenza imħejji mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għandu l-għan li jiggwida lill-pubbliku dwar x’għandhom jagħmlu f’każ ta’ emerġenza. Fost oħrajn, ir-rapport għandu jagħmilha ċara x’tipi ta’ emerġenzi jistgħu jinqalgħu, jekk jistax ikun hemm okkażjoni li twassal għal evakwazzjoni, x’għandu jseħħ f’każ ta’ bżonn ta’ evakwazzjoni, x’rotti għandhom jiġu segwiti, x’miżuri ta’ mitigazzjoni għandhom jittieħdu u kif il-pubbliku għandu jirreaġixxi għal sitwazzjonijiet bħal dawn.
Madanakollu, il-paġni li suppost jinkludu dan il-pjan huma moħbija, bir-raġuni tkun dik ta’ ‘sigurtà nazzjonali’.
Il-Partit Nazzjonalista, fir-rapport tiegħu, innota li l-istudji ppreżentati mill-awtoritajiet, kontinwament jirreferu għal dan il-pjan ta’ emerġenza, iżda madanakollu, dan il-pjan, ma jidher imkien. Ir-rapport tal-Partit Nazzjonalista jistaqsi wkoll għaliex deċiżjoni dwar jekk issirx evakwazzjoni jew le, se tkun qed tittieħed mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili wara konsultazzjoni mal-Uffiċju tal-Prim Ministru.
“L-Uffiċu tal-Prim Ministru x’għandu x’jaqsam mad-deċiżjonijiet tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili?” jistaqsi r-rapport tal-Partit Nazzjonlista, li jżid jinnota li f’każ ta’ emerġenza jistgħu jkunu evakwati mhux biss persuni li jaħdmu fil-faċilitajiet tal-gass f’Dellimara iżda anke ‘parti mir-residenti tal-gżira Maltija’. Ir-rapport tal-Partit Nazzjonalista jfakkar ukoll fid-Direttiva ta’ Seveso, li tagħmilha ċara li kwalunkwe pjan ta’ emerġenza għandu jkun ippruvat u ttestjat.
L-istudju ġeoloġiku jeskludi għal kollox żona fejn kien ċeda l-blat
L-istudju ġeoloġiku li sar, eskluda għal kollox żona fejn kien ċeda l-blat, liema żona tinsab eżattament ħdejn parti mill-moll u t-tanker tal-gass. Il-kaxxa l-ħadra turi ż-żona li kienet ikkunsidrata fl-istudju li sar, filwaqt li l-kaxxa l-ħamra turi ż-żona fejn f’Lulju tal-2015 kien ċeda l-blat, liema inċident kien wassal biex saret ħsara fuq propjetà privata filwaqt li weġġgħu xi persuni.
Ir-rapport tal-Partit Nazzjonalista jistaqsi kif jista’ jkun li din iż-żona ma ġietx ikkunsidrata mill-konsulenti li studjaw iż-żona, speċjalment hekk kif fil-kaxxa l-ħamra hemm ukoll parti mill-moll kif ukoll il-post fejn it-tanker tal-gass qed jankra b’mod permanenti. Fid-dawl ta’ dan kollu tqum ukoll il-mistoqsija dwar x’konsegwenzi jista’ jkun hemm fuq it-tanker tal-gass, kif ukoll fuq il-moll (li minnu se jkunu qed jgħaddu pajpijiet bil-gass LNG) jekk aktar blat fl-istess żona jċedi.
Mhux ċar min se jħallas kumpens f’każ ta’ inċident
Fir-rapport imħejji mill-Partit Nazzjonalista, jintqal li l-istudji ppreżentati mill-awtoritajiet ma jagħmluhiex ċara dwar min se jħallas kumpens f’każ ta’ inċident li jista’ jkun ikkawżat. L-anqas ma jingħad x’arranġamenti ta’ assikurazzjoni hemm sabiex terzi persuni jkunu ssalvagwardjati f’każ ta’ dannu.
Għalkemm it-tanker tal-gass ‘Armada LNG Mediterrana’ huwa parti minn klabb ta’ assikurazzjoni (imsejjaħ ‘Standard Protection and Indemnity Club’, ekwivalenti għall-polza tal-assikurazzjoni ‘third party’ tal-karozzi), xorta waħda mhux magħruf jekk dan il-klabb hux se jkun qed ikopri danni li jkunu kkawżati minn ħruġ ta’ gass mit-tankijiet tal-bastiment ‘Armada LNG Mediterrana’ minħabba xi inċident jew ieħor. Dan kollu filwaqt li l-bastiment (peress li sa issa t-tanker għadu rreġistrat bħala bastiment), jista’ jillimita r-responsabbiltà tiegħu skont il-liġi internazzjonali li tirregola ir-responsabbiltà tal-bastimenti f’każ ta’ danni.
It-tanker u l-powerstation tal-gass jaffettwaw rotot tal-avjazzjoni
Minkejja li t-tanker u l-powerstation tal-gass direttament jimpattaw ir-rotot tal-ajurplani, l-istudji li saru ma kkunsidrawx l-impatt fis-settur tal-avjazzjoni, għax skont l-istess studji, ‘il-faċilitajiet jinsabu barra mir-rotot ta’ inżul jew tlugħ tal-ajruplani’. Iżda r-rapport imħejji mill-Partit Nazzjonalista jistqarr li din id-dikajrazzjoni mhijiex minnha, hekk kif avviż ta’ Transport Malta jikkonferma li għall-ewwel darba, se tkun qed tiddaħħal żona ta’ projbizzjoni b’wisa’ ta’ tliet kilometri min-naħa għall-oħra, fuq il-faċilitajiet tat-tanker u l-powerstation tal-gass.
Jirriżulta li l-peniżola ta’ Dellimara hija parti mir-rotta li tintuża mill-ajruplani li jkunu qed jagħmlu inżul mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Madanakollu, fil-11 ta’ Novembru li għadda, id-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili fi ħdan Transport Malta, bagħat e-mail lill-operaturi u l-iskejjel tal-avjazzjoni biex jibdew iħejju tibdil fir-rotot tagħhom minħabba din iż-żona ġdida ta’ projbizzoni. Iż-żona ta’ projbizzjoni se jkollha radius ta’ kilometru u nofs, jiġifieri ċirku b’wisa’ totali ta’ tliet kilometri.
Ir-rapport imħejji mill-Partit Nazzjonalista jinnota wkoll li waħda miż-żoni ta’ orbita użati mill-iskejjel tal-avjazzjoni se tkun qed tiġi eliminata minħabba ż-żona ta’ projbizzjoni li se tkun qed tiddaħħal fis-seħħ, b’mistoqsijiet iqumu dwar jekk il-Gvern hux se jkun qed jintroduċi żona ġdida ta’ orbita.
//= $special ?>