Lokali

Serqa oħra mill-każin tal-PN Santa Venera fi Fleur de lys

Il-Pulizija qed tinvestiga serqa oħra li saret matul il-lejl li għadda mill-Każin tal-Partit Nazzjonalista ta’ Santa Venera fi Fleur de Lys.

Jidher li ħalliel jew ħallelin sgassaw il-bieb prinċipali tal-Każin u wara li daħlu, qalghu is-safe li kien fih xi flus u ħaduħ. Il-ħallelin ħadu wkoll żewġ laptops u anke xi sigaretti mill-bar tal-istess każin.

Din hi t-tieni serqa minn dan l-istess Każin fi żmien xahar u nofs hekk kif fit-8 ta’ Ottubru li għadda wkoll saret serqa ohra bil-ħallelin jidħlu minn fuq il-bejt.

Sadanittant, xi nies minn Santa Venera li tkellmu ma NetNews.com.mt qalulna li jinsabu mħassba dwar il-mewġa ta’ serq li għaddejja bħalissa fil-lokalita’.  Ħafna nies, speċjalment anzjani, qed jibżgħu joħorġu minn darhom minħabba l-biża’ li jkunu misruqa.

Fl-aħħar ġimgħa saru tliet serqiet minn din il-lokalita’ fosthom hold-up, serqa minn fuq delivery man u s-serqa mill-Każin tal-Partit Nazzjonalista.